“Pajjiżna jeħtieġ viżjoni fit-tul, ippjanar serju u tmexxija li tkun kapaċi tħejji lil Malta għall-isfidi tal-futur b’mod realistiku, sostenibbli u inklussiv.”
Hekk stqarr r-Rapporteur tal-Assemblea tal-Partit Nazzjonalista tat-Tieni Reġjun, Ryan Cachia fejn enfasizza fuq l-importanza li l-futur ta’ pajjiżna jrid jinbena fuq investiment serju fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fiż-żgħażagħ u fl-anzjani, filwaqt li jiġu mħarsa l-kultura u l-identità Maltija bħala parti essenzjali mill-proġett nazzjonali.
Waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li għadda, Ryan Cachia spjega li l-assemblea iffukat fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-ġejjieni – u li dan għandu jkun ibbażat fuq setturi ġodda u innovattivi u li joħolqu valur miżjud u impjiegi ta’ kwalità, filwaqt li s-sistema edukattiva trid timxi ma’ dawn ir-realtajiet ġodda sabiex tipprepara lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin b’ħiliet adegwati.
Ġiet diskussa wkoll l-importanza tal-ippjanar, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħolqien ta’ spazji miftuħa u ħodor bħala parti mill-kwalità tal-ħajja. Infatti, l-assemblea saħqet fuq il-bżonn ta’ qafas legali ċar u riformi serji fil-pjanijiet lokali, biex l-iżvilupp isir b’mod ordnat, responsabbli u b’rispett lejn il-komunitajiet.
Ryan Cachia qal ukoll li l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja kienet punt ċentrali fid-diskussjoni, b’enfasi fuq il-ħtieġa li l-politika pubblika tipproteġi lill-familji u lill-aktar vulnerabbli f’kull stadju tal-ħajja.
L-assemblea tat importanza kbira lill-governanza tajba, it-trasparenza u l-onestà fl-ippjanar tal-affarijiet pubbliċi, filwaqt li saħqet li futur b’saħħtu ma jistax jinbena mingħajr fiduċja fl-istituzzjonijiet u regoli ugwali għal kulħadd.
L-Assemblea kkonkludiet li Malta ’l quddiem trid tkun pajjiż li jaf fejn irid jasal – u kif se jasal. Pajjiż li jinvolvi lin-nies fit-teħid tad-deċiżjonijiet, li jibni fiduċja fil-futur u li jħares lejn l-għada b’ottimiżmu realistiku.
//= $special ?>

