Lokali Qorti

Sentenza sospiża f’każ relatat ma’ moħqrija fuq kelb

Raġel ta’ 75 sena minn Ħal Għaxaq ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs sospiiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Gabriella Vella f’każ ta’ moħqrija lejn kelb. Anthony Desira nstab ħati li b’diversi reati relatati ma’ moħqrija u nuqqas ta’ trattament xieraq ta’ kelb tar-razza Husky, allegatament imwettqa fit-18 ta’ Awwissu 2022 u fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel.

Għalkemm huwa ma nstabx ħati li ġiegħel annimali jsofru uġigħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn, instab ħati li żamm annimal mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tiegħu, u li naqas milli jieħu dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet tal-annimal li kien responsabbli għalih, jew li qabel li jieħu ħsieb, jintlaħqu hekk kif meħtieġ bi prattiċi tajba sabiex tiġi żgurata s-saħħa u l-benesseri tal-annimal.

Dawn jinkludu fost oħrajn il-provvista ta’ ambjent xieraq, provvista ta’ dieta sana, lok sabiex l-annimali jesprimu l-imġiba normali tagħhom, provvista ta’ akkomodazzjoni xierqa u protezzjoni minn uġigħ, tbatija, korriment jew mard.

Mill-provi miġjuba quddiem il-Qorti rriżulta li uffiċjali tal-Animal Welfare, Conrad Galea u Joseph Gatt, wettqu spezzjoni f’residenza fi Triq Ħabb il-Qamħ, Ħal Għaxaq, fejn sabu kelb Husky fi stat ħażin ħafna. Ix-xhieda tagħhom iddeskrivew kelb anzjan li bilkemm seta’ jiċċaqlaq, bis-suf magħqud u maħmuġ minħabba li kien jagħmel taħtu, u b’ikel mimli dubbien, tant li kellu jinġarr fuq stretcher biex jinħareġ mill-post. Il-kelb ġie kkonfiskat u ttieħed għall-kura.

Xhieda mis-Servizzi Veterinarji kkonfermat li l-microchip tal-kelb ma kienet irreġistrata f’ebda database, iżda l-Qorti osservat li dan il-fatt, għalkemm jista’ joħloq dubju dwar min kien is-sid reġistrat, ma jnaqqasx mir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna li fil-fatt iżżomm jew taqbel li żżomm annimal. Il-Qorti saħqet li l-liġi tipproteġi lill-annimali u timponi obbligi mhux biss fuq is-sid formali, iżda fuq kull min ikollu l-annimal taħt il-kura jew il-kontroll tiegħu.

Il-Qorti indirizzat ukoll argument tad-Difiża dwar il-fatt li l-imputat ma ngħatax id-drittijiet tiegħu qabel ma għamel ċerti stqarrijiet u ffirma dokument ta’ kunsens għall-konfiska tal-kelb. Fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-Qorti ddeċidiet li dawn l-istqarrijiet u d-dokument iffirmat, minħabba n-natura inkriminanti tagħhom u n-nuqqas ta’ salvagwardji legali, ma setgħux jitqiesu bħala prova u kellhom jiġu skartati.

Wara li trattat dawn il-punti preliminari, il-Qorti bdiet tanalizza fil-mertu l-imputazzjonijiet, b’mod partikolari r-reat ta’ moħqrija lejn l-annimali, u osservat li mill-provi prodotti jirriżulta li l-kelb kien qed jinżamm f’kundizzjoni li wasslet għal tbatija u dwejjaq serji.

Għall-finijiet tal-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tar-reati li dwarhom l-imputat instab ħati kif ukoll il-fedina penali tiegħu, li għalkemm mhijiex waħda netta, ma turix li l-imputat jgħix ħajja ta’ kriminalità. Il-Qorti osservat ukoll li mill-istess fedina penali ma jirriżultax li l-imputat qatt instab ħati, qabel dan il-każ, ta’ ksur tal-provvedimenti tal-Kapitolu 439 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Ġiet ikkunsidrata wkoll l-età tal-imputat u l-problemi ta’ saħħa tiegħu, fatturi li wasslu lill-Qorti, kif propost ukoll fis-sottomissjonijiet dwar il-piena kemm mill-Prosekuzzjoni kif ukoll mid-Difiża, sabiex tikkontempla piena alternattiva minflok piena ta’ priġunerija effettiva.

Fir-rigward tat-talba tal-Prosekuzzjoni biex, f’każ ta’ ħtija, l-imputat jiġi pprojbit milli jżomm annimali jew milli jirrisiedi f’post fejn jinżammu annimali, il-Qorti ddeċidiet li tali talba ma setgħetx tiġi bbażata fuq l-Artikolu 45(1)(b) tal-Kapitolu 439, peress li dan l-artikolu jirregola sitwazzjonijiet ta’ reati mwettqa għat-tieni darba jew aktar. Il-Qorti spjegat li l-projbizzjoni tista’ tiġi imposta biss f’każijiet ta’ ħtija għal reat ta’ moħqrija lejn l-annimali skont l-Artikolu 8(2), iżda peress li l-imputat ma nstabx ħati ta’ dan ir-reat, it-talba ma setgħetx tintlaqa’.

Il-Qorti rrifjutat ukoll it-talba tal-Prosekuzzjoni sabiex l-imputat jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż relatati mat-trattament, ir-rilokazzjoni jew il-konfiska tal-kelb, kif ukoll għar-revoka ta’ kwalunkwe permess relatat ma’ attivitajiet regolati taħt il-Kapitolu 439. Dan minħabba li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova dwar spejjeż imġarrba jew dwar l-eżistenza ta’ tali permess f’isem l-imputat, u għalhekk il-Qorti sabet ruħha fl-impossibbiltà li tagħti ordni f’dan ir-rigward.

Il-Qorti spjegat b’mod ċar lill-imputat ir-responsabbiltajiet tiegħu matul il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża u wissietu dwar il-konsegwenzi jekk jikkommetti reat ieħor li jġorr piena ta’ priġunerija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.