Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li weġġa’ ħafif lil ommu biex jitlob flus għad-droga

Raġel ta’ 25 sena ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li nstab ħati li weġġa’ ħafif lil ommu waqt inċident li fih talabha l-flus biex jiffinanzja d-dipendenza tiegħu mid-droga. Il-każ instema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex, fejn ir-raġel kien akkużat li attakka lil ommu, tefa’ oġġetti iebsa lejha, instab fil-pussess tal-kokaina, kkaġuna biża’ lill-ġenituri tiegħu li setgħet tintuża vjolenza kontrihom u kiser ordni ta’ trattament.

L-inċident seħħ fid-dar tal-familja f’Xewkija fit-8 ta’ Diċembru 2025. Il-mara kienet rieqda meta għall-ħabta tas-1.00 ta’ filgħodu ġiet imqajma mill-iben, li talabha l-flus biex jixtri d-droga. Hija rrifjutat, wara li kienet diġà tatlu l-flus jum qabel.

F’dan il-punt, l-akkużat qabad lil ommu minn għonqha u beda jagħfas. Wara waqaf għal ftit u reġa’ talabha l-flus. Il-mara marret fil-kċina, bl-akkużat warajha, iżda meta reġgħet irrifjutat, hu imbuttaha u hija laqtet ġenbha mal-bank tal-kċina.

L-istorbju qajjem lil missieru, li pprova jintervjeni hekk kif l-akkużat beda jitfa’ oġġetti lejn ommu u missieru pprova jwaqqafhom. F’dan il-mument, il-mara ċemplet lill-Pulizija biex titlob l-għajnuna, filwaqt li l-akkużat ħarab minn fuq il-post. Huwa nstab aktar tard f’karozza u ġie arrestat.

Waqt tfittxija, il-Pulizija sabitu fil-pussess ta’ borża żgħira li kien fiha 0.49 grammi kokaina. l-Qorti osservat li dan ma kienx l-ewwel inċident li fih l-akkużat kellu problemi mal-ġenituri tiegħu, b’mod partikolari ma’ ommu, u li fil-passat kien diġà aggredihom biex jikseb flus għad-droga.

Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, ir-raġel ammetta li għandu problema serja tad-droga u li spiss kien jitlob il-flus mingħand il-ġenituri tiegħu biex iżomm id-dipendenza. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti qalet li dan kien każ serju ħafna, peress li l-akkużat attakka lil ommu minħabba li rrifjutat tiffinanzja l-vizzju tiegħu.

Il-Qorti ddeskriviet l-imġiba tiegħu bħala kundannabbli u bla ebda ġustifikazzjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li kien megħlub mid-dipendenza tiegħu mid-droga. Ġiet ikkunsidrata wkoll ix-xhieda ta’ Uffiċjal tal-Probation, li spjega kif l-akkużat kellu perjodu ta’ stabbiltà f’ħajtu, iżda reġa’ waqa’ fid-dipendenza tiegħu.

Ġie spjegat li minkejja li pprova jdawwar ħajtu għall-aħjar, kien spiss jaqta’ qalbu u jqis is-sitwazzjoni tiegħu bħala “battalja mitlufa”. Ix-xhud sostna li l-akkużat għandu bżonn aktar dixxiplina personali u li, jekk jingħata l-opportunità, għandu jmur għal programm ta’ rijabilitazzjoni.

Il-Qorti għamlitha ċara li se toħroġ l-ordnijiet kollha meħtieġa biex tipproteġi lill-vittmi u li din kienet l-aħħar opportunità tal-akkużat biex ibiddel ħajtu, peress li għad hemm tama li joħroġ minn dan l-abiss u jaħdem fuqu nnifsu flimkien ma’ professjonisti f’dan il-qasam.

Għaldaqstant, il-Qorti kkundannatu għal 13-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin, immultatlu €75, imponietlu ordni ta’ trattament għal tliet snin u ħarġet ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-ġenituri tiegħu. Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur tal-Pulizija Josef Gauci.