Raġel ta’ 41 sena, Josef Abdilla, ġie kkundannat għal ordni ta’ probation ta’ sentejn u soġġett għal ordni ta’ trażżin wara li ammetta li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u għamel użu mhux xieraq minn mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika.
Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Leonard Caruana, fil-Qorti tal-Maġistrati, fejn Abdilla ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih fl-ewwel dehra tiegħu quddiem il-Qorti. Il-każ kien jikkonċerna mġiba li seħħet bejn is-17 ta’ Ottubru 2025 u t-22 ta’ Jannar 2026.
Mill-provi rriżulta li l-akkużat kien f’relazzjoni mal-parte ċivili, ma’ mara, li damet ftit xhur u ntemmet f’nofs Ottubru 2025. Minkejja t-tmiem tar-relazzjoni, Abdilla baqa’ jikkuntattjaha ripetutament, anke minn numri differenti u minn numri moħbija. Meta l-parte ċivili bblokkjatu, huwa beda jikkuntattja lill-membri tal-familja tagħha u lil sħabha sabiex iwasslu messaġġi bejniethom.
Il-Qorti semgħet kif il-mara rrappurtat il-każ lill-Pulizija u kif l-akkużat kien ġie mwissi biex ma jibqax jagħmel kuntatt magħha, iżda xorta waħda kompla. Madankollu, il-Qorti nnutat li f’ebda mument ma kien hemm theddid jew mġiba li ġiegħlet lill-parte ċivili tħoss biża’, iżda li l-imġiba kienet frott ossessjoni u nuqqas ta’ aċċettazzjoni li r-relazzjoni kienet spiċċat.
Meta waslet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti qalet li l-mod ta’ kif ġab ruħu l-akkużat mhuwiex aċċettabbli u wriet li huwa evidenti li għandu bżonn għajnuna biex jindirizza d-diffikultajiet emozzjonali li żviluppaw wara t-tmiem tar-relazzjoni.
Għaldaqstant, wara li sabitu ħati tal-akkużi kollha, il-Qorti poġġiet lil Abdilla taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sentejn, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-digriet mogħti. Il-Qorti spjegatlu wkoll li jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-ordni jew jikkommetti reat ieħor, jista’ jingħata sentenza għar-reati oriġinali minbarra pieni oħra.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għall-perjodu ta’ sentejn, sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tagħha. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza u tad-digrieti jingħataw lill-akkużat u lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Probation and Parole.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.
//= $special ?>

