Internazzjonali

Stati Uniti – Kanada: Assedju ta’ maltemp kontinwu fost iż-żieda fl-imwiet

L-imwiet mill-maltemp qalil fl-Istati Uniti komplew jiżdiedu fl-aħħar sigħat u meta l-Amerikani, l-istess bħall-poplu tal-Kanada, qed jistennew aktar ġranet iddominati bl-irwiefen tas-silġ u l-borra.

L-iskwadri Amerikani għall-emerġenzi anki qed jistennew li jsibu aktar vittmi tal-maltemp fi żmenijiet perikolużi ħafna għall-għexieren tal-eluf ta’ residenti …Maltemp li fost oħrajn wassal biex jitħassru l-eluf tat-titjiriet u meta l-faċilitajiet tad-dawl mhumiex jiffunzjonaw f’numru ta’ Stati.

Il-kaos dovut għall-elementi xitwija qed jinħass mill-Istat ta’ Texas sa Maine – b’ħafna toroq jispiċċaw inaċċessibbli u b’diversi bliet ewlenin jispiċċaw koperti b’mantell tal-borra.

Xi bnadi lejn il-Grigal tal-Istati Uniti, fil-fatt, spiċċaw mgħottija b’madwar 60 ċentimetri borra f’anqas minn 24 siegħa – bl-uffiċjali fil-Kanada jikkonfermaw li l-maltemp, fl-aħħar sigħat, kien qed ‘iħarbat il-ħajja normali’ lejn in-nofsinar ta’ Ontario.

Fl-aħħar sigħat, kien hemm ħalbiet tal-borra anki fir-reġjun ta’ Maritimes fil-Kanada – bl-inżul tal-borra mistenni jkompli sal-aħħar tal-ġimgħa fl-ibnadi tal-Great Lakes; f’dan il-każ, Lake Michigan, Lake Superior, Lake Huron, Lake Erie u Lake Ontario.

Il-friża fir-reġjuni tal-Amerika ta’ Fuq, sadanittant, għandha tintensifika qabel tmiem il-ġimgħa – u meta kibret il-possibbiltà ta’ maltempata oħra simili fl-artijiet tal-lvant tal-Istati Uniti.

Fil-bidu tal-ġimgħa tħassru ‘il fuq minn 6,000 titjira lejn l-Istati Uniti u ‘il hinn minnha u meta sal-aħħar sigħat, mijiet ta’ eluf ta’ Amerikani kienu qed iċemplu lis-servizzi tal-emerġenza biex jirrappurtaw il-blackouts fit-tul –bir-residenti fl-Istat ta’ Tennessee jispiċċaw affettwati l-agħar.

Intant, ċedew numru kbir ta’ siġar u arbli tad-dawl li waqgħu direttament għal fuq it-toroq biex għalqu l-‘flow’ tat-traffiku. Dan ukoll meta s-sewqan sar perikoluż ħafna fit-toroq koperti bis-silġ f’diversi bnadi tal-Istati Uniti.

L-imwiet irrappurtati b’kaġun tal-maltemp, sadanittant, kienu konfermati fl-ibnadi ta’ Texas, North Carolina,  Louisiana, il-Belt ta’ New York, Massachusetts, Kansas u Pennsylvania.