Lokali

Tliet Maltin arrestati fi ski resort fl-Alpi wara sejba ta’ aktar minn 6,000 flixkun laughing gas

Tliet Maltin kienu arrestati f’Savoie, fin-Nofsinhar ta’ Franza proprju fi ski resort fl-Alpi, wara sejba ta’ aktar minn 6,300 flixkun ta’ ossidu nitruż, magħruf aħjar bħala laughing gas.

Dan tħabbar mill-ġandermerija Franċiża fejn spjegaw li rnexxielhom jaqbdu ċirku ta’ droga, proprju wara l-arrest tal-Maltin.

Filwaqt li l-valur tas-sejba droga huwa stmat li jlaħħaq aktar minn €340,000, it-tliet Maltin jinsabu arrestati, u mistennija jerġgħu jitressqu l-Qorti Franċiża fit-23 ta’ Frar.

Dan hekk kif tul il-jum tat-Tnejn, it-tlett irġiel tressqu quddiem il-Qorti Kriminali ta’ Albertville, madanakollu talbu posponiment sabiex ikunu jistgħu jħejju d-difiża tagħhom.

Il-gas, li jintuża bħala loppju fl-isptarijiet, kien irrapportat li nstab fi 13-il kaxxa moħbi f’kontejner li allegatament kien qed jinkera fil-villaġġ ta’ Bourg-Saint Maurice.

Ġie irrapportat ukoll li t-traffikanti kienu ilhom jiġu sorveljati għal tal-inqas jumejn sħaħ mill-Forzi Armati Franċiżi u li segwewhom fl-iski resort ta’ Les Arcs.

Fl-istess waqt, l-awtoritajiet daħlilhom rapport ta’ xi storbju li kienu qed jagħmlu xi persuni f’dan ir-resort, u hemm sabu t-tliet Maltin li kellhom allegatament fil-pussess tagħhom fliexken identiċi ta’ dawk li nstabu f’Bourg-Saint Maurice.

Huma tressqu l-Qorti akkużati bl-involviment f’dan it-traffikar.

F’ċertu lokalitajiet fi Franza, dan it-tip ta’ gas ilu illegali sa mill-2021, inkluż f’din iz-zona, madanakollu f’Malta, minkejja l-appelli ta’ diversi esperti, professjonisti u NGOs… il-laughing gas mhux illegali.

Din il-kamra tal-aħbarijiet tinsab infurmata li t-tlett irġiel li jinsabu miżmuma taħt arrest huma Għawdxin filwaqt li sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li qed isiru tentattivi biex jiġu estraditi lejn Malta.