Lokali

Abela “kiser il-kelma ta’ rġulija” li saret bejnu u bejn il-Kap tal-PN Alex Borg dwar l-isem tal-Prim’Imħallef il-ġdid

Mingħajr ma għamel konsultazzjoni sħiħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, il-Prim Ministru Robert Abela qabad u ħareġ lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera sabiex tkun is-suċċessur ta’ Mark Chetcuti bħala Prim’Imħallef.

Spjega dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu waqt li kien qed jiġi intervistat fuq il-programm il-Każin hekk kif insista li waqt li suppost kienu għaddejjin it-taħdidiet…Robert Abela għamel ta’ rasu u ġie jaqa’ u jqum mill-fehma tal-Partit Nazzjonalista, la darba huwa mistenni li jkun qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Alex Borg insista li kien jipretendi irġulija minn naħa tal-Prim Ministru hekk kif spjega li permezz ta’ telefonata, kien Robert Abela nnifsu li qallu li se jintrabtu b’kelma ta’ rġulija li ma joħroġx isem qabel jintlaħaq qbil bejniethom….madanakollu huwa ċar li l-Prim Ministru mar kontra l-kelma tiegħu.

Dan kollu hekk kif waqt li kienu għaddejjin it-taħdidiet bejn iż-żewġ naħat tal-kamra parlamentari, il-Gvern qabad u ħareġ mal-midja l-isem li qed jimbotta mingħajr ma ddiskuta b’mod totali mal-Oppożizzjoni.

Tul il-jum tal-Erbgħa, il-Ministru Jonathan Attard ħabbar li l-isem magħżul mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru nnifsu hija Consuelo Scerri Herrera – b’Jonathan Attard, jgħid li qed jistenna x’se tkun ir-reazzjoni  tal-Oppożizzjoni – totalment kontra l-prassi etika mistennija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Ministeru għall-Ġustizzja.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li aktar tard filgħaxija kien se jlaqqa’ b’urġenza Grupp Parlamentari sabiex ikomplu jiddiskutu din il-materja tant importanti.