Lokali Qorti

Erba’ xhur ħabs u tliet snin bla liċenzja wara sewqan perikoluż u ksur ta’ sentenza sospiża

Raġel ġie kkundannat għal erba’ xhur priġunerija effettiva u sospensjoni tal-liċenzji kollha tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta sensiela ta’ reati relatati ma’ sewqan perikoluż, nuqqas ta’ liċenzja u assigurazzjoni, u ksur ta’ sentenza sospiża.

Il-każ instema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, fejn Saud Iyd Faysal wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu. L-inċident seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2025 fi Triq Stiefnu Zerafa, il-Marsa, meta l-imputat saq vettura Hyundai mingħajr liċenzja u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, b’mod perikoluż, traskurat u bla kont, u kkawża ġrieħi ħfief fuq persuna kif ukoll ħsarat fuq vetturi ta’ terzi.

Il-Qorti osservat li wara li kien involut f’inċident tat-traffiku, l-imputat naqas milli jieqaf u milli jagħti d-dettalji personali u tal-vettura tiegħu kif mitlub mil-liġi. Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li huwa wettaq dawn ir-reati waqt li kien għadu fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija lilu fil-11 ta’ Diċembru 2025 għal reati simili, u li għaldaqstant irrenda ruħu reċidiv.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-imputat u l-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, kif ukoll il-fatt li kien ilu arrestat mill-24 ta’ Diċembru 2025. Madankollu, enfasizzat is-serjetà tal-każ, partikolarment minħabba li l-imputat reġa’ kiser il-liġi inqas minn ħmistax-il jum wara li ngħatatlu sentenza sospiża u minkejja li kien diġà ġie sospiżlu d-dritt tas-sewqan.

Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu għal erba’ xhur priġunerija effettiva. Barra minn hekk, ordnat is-sospensjoni tal-liċenzji kollha tas-sewqan tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza. Il-Qorti estendiet ukoll il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża preċedenti għal erba’ snin mil-lum.

It-talba tal-prosekuzzjoni għall-ħlas ta’ spejjeż relatati ma’ esperti ġiet miċħuda peress li ma kienx hemm esperti maħtura fil-kawża. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa.