Futbol Sport

ESKLUSSIVA | James Sissons viċin li jiffirma ma’ Hull City

James Sissons
James Sissons

Fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti, Net News jista’ jiżvela b’mod esklussiv li wieħed mil-klabbs sfidanti għar-rebħ tal-promozzjoni għall-Premier League Ingliż, Hull City jinsab qrib li jakkwista lill-goalkeeper internazzjonali Malti ta’ 18-il sena,  James Sissons.

Sorsi infurmati sew, ikkonfermaw magħna, li wieħed mill-aktar goalkeepers prometenti li għadna telgħin f’pajjiżna, ħalla impressjoni mill-aqwa waqt għaxar t’ijiem prova li Sissons kellu fil-jiem li għaddew mal-klabb minn Kingston upon Hull. Sissons, li fis-sajf li għadda ħalla lil Melita biex issieħeb ma’ Chesterfield, klabb tal-League 2 fl-Ingilterra, diġa’ laħaq ftehim ma’ Hull City.

Hu mifhum li fl-aħħar sigħat bdiet il-ħidma fuq id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex Sissons ikun jista’ jiġi trasferit b’mod permanenti ma’ Hull City. Net News jifhem li sabiex dan it-trasferiment ikun komplut u finaliżat fil-ħin, qabel jagħlaq is-suq tat-trasferimenti tax-xitwa fl-Ingiltera, il-klabb ta’ The Championship irid jilħaq qbil ma’ Hibernians u Melita, iż-żewġ klabbs li kien jilgħab magħhom Sissons fil-livell tal-kategoriji żgħażagħ.

La darba dawn iż-żewġ klabbs Maltin jilħqu qbil ma’ Hull City, il-goalkeeper li se jkun qed jagħlaq 19-il sena f’Marzu li ġej, isir uffiċjalment plejer ta’ klabb li għandu storja ta’ 121 sena.

It-trasferiment ta’ Sissons, li attwalment hu t-tielet goalkeeper ta’ Malta fl-iskwadra nazzjonali Maltija tal-kowċ Emilio De Leo, jista’ jitqis bħala wieħed mill-akbar li qatt kelna ta’ plejer Malti għal ma’ klabb barrani.

Is-suq tat-trasferimenti fl-Ingilterra, jagħlaq fit-2 ta’ Frar fis-7pm, u Sissons mistenni jkun l-ewwel Malti li qatt iffirma ma’ Hull City. Madankollu din m’hijix l-ewwel darba li Hull City kienu qrib li jiffirmaw plejer Malti. Fis-sajf tal-2015, meta The Tigers kienu taħt it-tmexxija ta’ Steve Bruce, huma kienu viċin li jiffirmaw lill-eks plejer internazzjonali Malti, Clayton Failla, iżda t-trasferiment tal-winger li jilgħab fuq ix-xellug sfaxxa fl-aħħar wara li l-klabba kien iddeċieda li jiffirma plejer ieħor minflok lil Failla.