Joe Giglio, PN
Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio sostna fil-parlament li fil-qrati hemm problemi li qed jeffettwaw lin-nies, lill-avukati u lill-ġudikatura kollha.
Joe Gigilio qal li minkejja l-investiment, fil-qrati għad hemm problemi kbar li qed jikkaġunaw dewmien u fejn hemm nuqqasijiet bażiċi bħat-traskrizzjonijiet tax-xhieda li ma jkunux magħmula.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hu ttamat li jidħlu fis-seħħ ir-riforma fil-kumpilazzjonijiet għaliex is-sitwazzjoni preżenti qed iġġib diffikultajiet kbar.
Joe Giglio sostna li s-sistema tal-kumpilazzjonijet hi antikwata u daħlet fl-1854. Hu żied li l-proposti tal-gvern m’humiex kuraġġużi biżżejjed biex iġibu bidla fil-mentalità biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li llum hemm numru ta’ maġistrati u imħallfin iżda minkejja dan kull ġudikant qed jitratta madwar 500 kawża fis-sena. Jirriżulta li biex imħallef jaħdem b’serenità u jwettaq ġustizzja, imħallef irid ikollu bejn 150 u 200 kawża kull sena. Hu tkellem dwar l-infrastruttura u qal li dan is-settur irid ikun trattat. Il-PN jipproponi li binjiet ġodda fil-Belt li jistgħu jintużaw bħala qrati iżda huma ‘l bogħod mill-qorti ewlieni se jwasslu għal iktar dewmien.
Joe Giglio qal li dawn għandhom isiervu għall-amministrazzjoni u żied li għandhom isiru awli ġodda fil-bini eżistenti. Hu semma’ t-tielet sular u qal li dan imtela’ uffiċini u awla meta fil-fatt setgħu saru iktar awli fl-istess spazju.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Att dwar l-Avukati ilu pendenti u għadha ma daħlitx fis-seħħ għaliex fiha klawsoli li jistgħu jirriflettu ħażin fuq avukati li jaħdmu fil-kumpaniji tal-awditjar. Joe Giglio qal għandhom jinstabu soluzzjonijiet biex ma jsirux liġijiet li jikkaġunaw diffikultajiet għall-avukati li ma jipprattikawx il-qorti. Hu ppropona li għandhom jiddaħħlu l-partijiet tal-liġi fejn hemm qbil dwarhom.
Problemi oħra ta’ konġestjoni ta’ kawżi huma dawk quddiem il-Qorti tal-Familja li qed iwasslu biex ħafna missirijiet qed ibatu minn sitwazzjonijiet diffiċli meta jinħarġu rapporti fejn missirijiet jitressqu l-qorti, jiġu arrestati u jitressqu l-qorti fuq inċidenti żgħar bil-konsegwenza li missirijiet idumu xhur u snin biex ikollhom aċċess normali għat-tfal tagħhom kif kien ikollhom qabel.
Joe Giglio bħalissa hemm tliet imħallfin fil-Qorti tal-Appelli Kriminali waqt li fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hemm 70 avukat. Dan qed iwassal biex tliet imħallfin m’għadhomx biżżejjed biex ilaħħqu max-xogħol li qed jinħoloq. Hu semma’ l-kariga ta’ Prim minħalelf u qal li jinsab konvint li se jitressaq isem denju li jista’ jokkuġa din il-kariga minflok il-Prim Imħallef Mark Chetcuti.
//= $special ?>

