Il-Belarus, li hu l-aħħar Stat dittatorjali fl-Ewropa, ikkonferma li se jissieħeb fl-hekk-imsejjaħ Bord għall-Paċi taħt it-tmexxija tal-President Amerikan Donald Trump…Bord li, fost l-inizjattivi tiegħu, hemm l-impenji lejn is-soluzzjoni tal-konflitti madwar id-dinja.
Il-Belarus anki ilu żmien suġġett għas-sanzjonijiet sinifikanti mill-Unjoni Ewropea…Madankollu, il-Bord tal-Paċi, fi stqarrija, qal li ‘kien qed jilqa’ xorta lil dan il-pajjiż tal-Lvant bħala membru ieħor ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali’.
F’din is-sitwazzjoni, għadu mhux ċar jekk Lukashenko u l-Gvern ta’ Minsk ħallusux il-miżata ta’ biljun dollaru biex jaċċertaw mill-isħubija permamenti ta’ pajjiżhom f’dan il-Bord.
Dan ukoll meta r-Russja, fl-aħħar ġranet, indikat li lesta tħallas il-biljun dollaru għal sħubija, bil-patt li dawn ikunu ġejjin mill-assi tagħha li spiċċaw iffriżati ‘il hinn minn xtutha minħabba l-gwerra li hi qed tmexxi fl-Ukrajna.
Il-Gvern tal-Belarus, fl-istess ħin, qal li ‘irid jieħu rwol attiv fl-impenji għall-ħarsien tas-sigurtà globali u li jibbażaw fuq il-prinċipju tar-rispett komuni u r-rispett għall-interessi partikulari tal-Istati-membri’.
L-istqarrija, sadanittant, tistona mal-aġir tal-Gvern tal-Belarus li ilu taħt pressjoni kbira mill-Ewropa minħabba l-indikazzjonijiet ċari li Lukashenko ‘seraq’ l-elezzjoni presidenzjali tal-2020…Episodju karatterizzat minn kampanja vjolenti u brutali li Lukashenko mexxa kontra l-Oppożizzjoni, li l-membri ewlenin tagħha, illum, huma kostretti li jgħixu fl-eżilju.
Fix-xhur ta’ wara, intant, ħarġu aktar provi li l-elezzjoni inkwistjoni kienet immanipulata favur Lukashenko biex hu ikompli fil-kontroll assolut tal-istituzzjonijiet kollha f’Minsk.
Il-Belarus anki permetta ħalli r-Russja tuża t-territorju tiegħu biex twettaq l-offensiva militari storika tal-2022 fuq l-Ukrajna.
Hu minnu, intant, li l-Istati Uniti ta’ Trump naqqset is-sanzjonijiet li hi wkoll kienet imponiet fuq Minsk – bil-patt li Lukashenko jeħles lill-priġunieri politiċi. Dan minkejja l-preokkupazzjoni dwar it-tmexxija dittatorjali ta’ Lukashenko f’pajjiżu li ilha mill-1994 — u l-fatt li l-Belarus qed jipprovdi spalla importanti lill-Kremlin biex ikompli bil-konflitt fl-Ukrajna.
Sadanittant, ir-Russi, fl-aħħar xhur, anki stazzjonaw il-missili ipersoniċi ‘Oreshnik’ – li kapaċi jġorru l-warheads nukleari – fl-artijiet tal-Belarus.
Alexander Lukashenko, fl-istess ħin, ma tilef qatt okkażjoni waħda biex jikkritika u jikkundanna lill-Ewropa bl-aktar termini ostili u fejn, fost oħrajn, insista li ‘ma jimpurtahx mill-miżuri tal-Punent fir-rigward ta’ pajjiżu’.
//= $special ?>

