Komunitajiet b’saħħithom jitwieldu minn politika li temmen fin-nies, fi tqassim ġust, politika li tagħti spazju lill-komunitajiet li jwasslu leħinhom.
Sostniet dan ir-rapporteur tal-Assemblea Reġjonali tat-Tielet Reġjun, Lara Marie Agius, meta waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li għadda spjegat kif ġiet diskussa l-mozzjoni Komunitajiet b’Saħħithom, b’enfasi ċara fuq il-prinċipju li l-iżvilupp għandu jservi lin-nies u jibni l-komunitajiet.
Matul l-Assemblea tat-Tielet Reġjun, ġew diskussi ideat relatati mal-ħidma politika u l-kampanja, b’enfasi fuq koordinazzjoni bejn il-livelli kollha tal-Partit, u ħidma li tibni fuq il-preżenza fil-komunitajiet u fuq inizjattivi konkreti li jsaħħu l-ambjent lokali u l-kwalità tal-ħajja.
Agius saħqet li l-elettorat mhux biss irid kritika, iżda soluzzjonijiet konkreti u viżjoni ċara ta’ kif il-ħajja fil-komunitajiet tista’ titjieb b’mod tanġibbli – permezz ta’ politika awtentika u tanġibbli li tibqa’ viċin in-nies.
Hija insistiet dwar l-importanza li jitwassal messaġġ pożittiv, Partit Nazzjonalista li jħares ‘il quddiem b’mod sostenibbli, pajjiż imsejjes fuq pedamenti ta’ soċjetà soda li jkomplu jsaħħu l-komunitajiet tagħna.
Lara Marie Agius spjegat li tul l-Assemblea, Ġie enfasizzat li l-iżvilupp ekonomiku, urban u infrastrutturali għandu jkun imfassal b’mod li jirrispetta l-karattru tal-lokalitajiet, iżomm bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-lum u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri, u jsaħħaħ is-sens ta’ appartenenza, sigurtà u solidarjetà fil-komunitajiet. L-assemblea saħqet li l-politika trid tkun aktar sensittiva għar-realtà tal-ħajja ta’ kuljum u għall-pressjonijiet li qed jiffaċċjaw in-nies fejn jgħixu.
Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib tan-nies. L-assemblea sostniet li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu msaħħa b’aktar responsabbiltajiet u riżorsi, sabiex is-servizzi u l-ġestjoni lokali jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet.
Punt importanti fid-diskussjoni kien l-integrazzjoni fil-komunità, b’mod partikolari ta’ residenti barranin li diġà huma parti mill-ħajja lokali permezz tal-iskejjel, is-servizzi u l-istrutturi komunitarji. Ġie rikonoxxut li dawn il-komunitajiet, jekk jiġu integrati b’mod serju u rispettiv, jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ħajja soċjali u ċivika.
Agius temmet tgħid li dan jitlob Partit magħqud, organizzat u determinat li jaħdem flimkien, b’viżjoni pożittiva u proposti konkreti, sabiex il-mument politiku li qed jgħix il-Partit isir ukoll mument ta’ tama u progress għall-pajjiż kollu.
//= $special ?>

