Internazzjonali Lokali

Il-pożizzjoni li ħa Robert Abela toħloq kaos sħiħ fil-qalba tal-Labour

Minn Evarist Bartolo sa Marie Louise Coleiro Preca. Minn Jason Micallef sal-President tal-Labour Alex Sciberras. Evidenti li fil-qalba tal-Partit Laburista kulħadd dar kontra l-Prim Ministru. U ħadd ma jista’ jifhem għaliex qed jikkunsidra li jissieħeb fil-Bord li ħoloq Donald Trump, u li sa issa l-ebda pajjiż Ewropew ma daħal fih – għajr il-Bulgarija u l-Ungerija.

Wara t-twissija ċara mid-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista Jason Micallef, issa kien imiss li anke l-eks Ministri Laburisti Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro Preca jixgħelu l-bozza l-ħamra.

Mat-Times, Evarist Bartolo stqarr li Malta u l-Maltin ikunu l-ewwel li jsofru l-konsegwenzi ta’ dak li qed jissejjaħ ‘Bord tal-Paċi’. Anke l-President Emeritu Coleiro Preca kienet diretta ħafna fi kliemha. Hi ddikjarat li hija kontra l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna f’dan il-Bord għaliex titnaqqar l-integrità ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika barranija.

L-eks Ministri tal-Labour wissew li l-istruttura li ħoloq Donald Trump għadha mhix ċara x’direzzjoni se tieħu – dan meta diġa’ għandek in-Nazzjonijiet Uniti, li huma l-istruttura leġittima li taħdem favur il-paċi.

Intant, anke l-editorjal tat-Times kellu analiżi iebsa ferm għall-pożizzjoni li qed jieħu Robert Abela li qed jikkunsidra l-istedina li għammillu Donald Trump biex jingħaqad f’dan il-club internazzjonali li fforma l-President Amerikan.

Il-Kunsill Studenti Universitarji minn naħa tiegħu ddikjara li issa huwa f’idejn il-Prim Ministru u l-Gvern li jagħmlu dak li hu ġust – u jirrifjutaw l-istedina ta’ Trump.