“Il-manifattura hija tassew importanti għal pajjiżna. Irridu naraw li bħala gvern alternattiv nibqgħu nagħtu s-sapport u ninċentivaw lil din l-industrija biex tkompli tifjorixxi.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt żjara li għamel lill-kumpanija Seifert Systems f’Ħal Far – Kumpanija Ġermaniża li tipproduċi sistemi industrijali tal-kontroll tat-temperatura.
Mal-wasla tiegħu, fil-binja ta’ din il-kumpanija, Alex Borg intlaqa’ mal-kapijiet ta’ Seifert fosthom ic-Chairman u c-CEO Michael Siefert u t-tifel tiegħu li huwa General Manager, Philip Seifert.
Din il-kumpanija li ilha topera f’pajjiżna sa mis-sena 1991, tħaddem magħha madwar 480 impjegat.
Matul din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, seta’ jara mill-qrib ix-xogħol li jwettqu bl-idejn u anke bil-magni l-ħaddiema f’din il-fabbrika u t-tip ta’ sistemi li jikkrejaw – fosthom arja kkundizzjonata għall-applikazzjonijiet industrijali, wire harnesses, u filter fans, fost oħrajn.
F’kummenti lil Net News, Alex Borg, tkellem dwar l-investiment impressjonanti li qed tagħmel din il-kumpanija inkluż fir-research and development u fit-taħriġ tal-ħaddiema.
Michael Seifert, kellimna dwar l-avvanzi li għamlet il-kumpanija fl-aħħar snin u l-investiment li sar u li se jkun qed isir fis-snin li ġejjin.
Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers, Rebekah Borg, Mark Anthony Sammut,Ryan Callus u Stanley Zammit u l-Kandidat tal-PN Noel Muscat.
//= $special ?>








