Futbol Sport

Klabbs lokali u barranin interessati f’Prince ta’ Mosta

Prince Chibuzor Emmanuel
Prince Chibuzor Emmanuel

Il-midfielder offensiv Niġerjan ta’ 20 sena, Prince Chibuzor Emmanuel jinsab fil-mira ta’ numru ta’ klabbs, b’Net News nistgħu nikkonfermaw li fl-aħħar jiem kien hemm klabbs lokali u anke oħrajn barranin li għamlu kuntatt ma’ Mosta biex jistaqsu dwar dan il-plejer, bl-intenzjoni li jibdew negozjati mal-Mostin għall-akkwist tal-eks plejer ta’ Bank Ostrava taċ-Ċekja.

M’hemmx dubju li Prince, kif ħafna jirreferu għaliħ, hu wieħed mill-aqwa plejers barranin żgħażagħ li għadna fil-Malta Premier. Attwalment, in-Niġerjan li beda’ jilgħab f’Malta minn Jannar ta’ sena llu, jinsab fit-tieni post tal-aqwa skorer tal-Malta Premier, b’tmien gowls skorjati; daqs kemm skorjaw s’issa żewġ plejers oħra – Jake Grech ta’ Floriana u Yuri ta’ Valletta.

Minkejja li dan l-istaġun qed ikun wieħed diffiċli għal Mosta, partikolarment meta mqabbel ma’ dak tas-sena l-oħra, Prince hu wieħed mill-aqwa elementi li dan l-istaġun għandha l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċis Mario Muscat u Joseph Grech.

Hu mifhum li Mosta m’għandhom ebda interess li jċedu lil Prince f’din it-tieqa ta’ Jannar, anke jekk l-offerti li qed jirċievu preżentament mil-klabbs interessati fiħ jafu jkunu attrajenti u li faċilment jistgħu jiskapriċċaw lill-klabb. Il-fatt li Prince hu marbut b’kuntratt ma’ Mosta għal sena u nofs oħra, jagħmilha possibli għall-klabb tiegħu, li jirrifjutaw kwalunkwé offerta li jista’ jkollhom għaliħ u fit-tmiem tal-istaġun, Mosta jikkonsidraw il-futur tal-plejer.

Sorsi infurmati sew, u li tkelmu ma’ Net News, qalulna li fl-aħħar jiem kien hemm żewġ klabbs barranin li urew interess fl-akkwist ta’ Prince, b’klabb minnhom dan l-istaġun qed jilgħab fit-tieni diviżjoni Belġjana u l-klabb l-ieħor hu wieħed mis-16-il klabb li jiffurmaw parti miċ-Chance Liga, li hija l-ogħla diviżjoni ta’ futbol Ċeka.

L-istess sorsi qaluna li żewġ klabbs mill-Malta Premier, għamlu kuntatt ma’ Mosta biex jesploraw il-bidu ta’ negozjati għall-akkwist ta’ Prince, iżda jidher li Mosta qed ikunu passivi għal kull min qed javviċinhom jew ikellimhom dwar il-midfielder offensiv Niġerjan, li kapaċi jilgħab ukoll fir-rwol ta’ attakkant.

Wieħed jifhem li Mosta m’għandhomx għaġġla biex jittrasferixxu lil dan il-plejer, u kif inhi s-sitwazzjoni tagħhom dan l-istaġun fil-Malta Premier, jafu biżżejjed li l-kontribut ta’ Prince hu kruċjali biex il-klabb jilħaq l-objettiv tiegħu li għal staġun ieħor jerġa’ jikkonferma ruħu mal-kbar tal-futbol Malti.