Lokali Qorti

Konfermata multa u sospensjoni tal-liċenzja għal sewqan bla liċenzja u assigurazzjoni

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ppreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet appell imressaq minn Juorgen John Portelli u kkonfermat fis-sħiħ is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, li kienet ikkundannatu għal multa ta’ €2,400 u skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 12-il xahar u tmient ijiem.

Il-każ kien jirrigwarda inċident li seħħ fil-lejl tal-11 ta’ Ottubru 2024 fi Triq is-Salini, in-Naxxar, meta Portelli twaqqaf waqt ‘road check’ mill-Pulizija u rriżulta li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja valida u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni. Il-kontroll fit-triq kien qed isir abbażi ta’ mandat maħruġ minn uffiċjal tal-Pulizija.

Fl-appell tiegħu, Portelli sostna li kien hemm apprezzament żbaljat tal-provi, partikolarment minħabba l-fatt li l-awtorizzazzjoni bil-miktub għall-kontroll fit-toroq ma ġietx eżebita fil-proċess. Huwa argumenta li dan kien jivvizzja l-proċeduri u li, skont il-prinċipju legali quod non est in actis, non est in mundo, kellu jiġi lliberat minn kull imputazzjoni.

Il-Qorti tal-Appell iżda qablet kompletament mal-konklużjonijiet tal-Ewwel Qorti, u osservat li mill-affidavit tal-uffiċjal tal-Pulizija kien jirriżulta b’mod ċar li l-kontroll kien awtorizzat. Ġie nnutat ukoll li d-difiża kellha kull opportunità tikkontro-eżamina lill-uffiċjali kkonċernati iżda għażlet li ma tagħmilx dan, u għalhekk l-affidavits ippreżentati kienu ammissibbli bħala prova sħiħa.

Fir-rigward tal-piena, l-appellant ilmenta li s-sospensjoni tal-liċenzja kienet sproporzjonata, billi sostna li l-liċenzja kienet essenzjali għall-għajxien tiegħu peress li jaħdem bħala xufier. Madankollu, il-Qorti enfasizzat li l-liġi tipprovdi għal skwalifika mandatorja f’dawn iċ-ċirkostanzi u li dawn ir-raġunijiet ma jikkostitwixxux “raġunijiet speċjali” li jiġġustifikaw eċċezzjoni.

Il-Qorti saħqet li s-sewqan mingħajr liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni huwa reat serju, u li l-fatt li persuna tiddependi fuq il-liċenzja għax-xogħol tagħha ma jistax jagħtiha xi tip ta’ immunità mill-konsegwenzi legali. Għaldaqstant, iż-żewġ aggravji mqajma fl-appell ġew miċħuda.

Il-Qorti ordnat li l-perjodu ta’ skwalifika jibda jiddekorri minn nofsillejl u minuta ta’ wara d-data tas-sentenza, u kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha.