L-emerġenza tan-nirien fl-Istat Awstraljan ta’ New South Wales kompliet taqleb għall-agħar fost il-mewġa ta’ sħana rekord fl-artijiet lejn il-Grigal tal-Awstralja.
Fil-fatt, l-iskwadri għat-tifi tan-nirien qed jikkumbattu mal-ħitan tal-fjammi li ħakmu f’xejn anqas minn sitt zoni differenti u f’sitwazzjoni li kapaċi ssir inkontrollabbli aktar ma jgħaddi żmien.
Dan ukoll meta diversi komunitajiet qed ikunu mwissa biex jevakwaw mill-aktar fis – jew, almenu, ifittxu postijiet aktar sikuri madwar l-Istat fost il-kriżi.
L-awtoritajiet tal-Istat qed iwissu wkoll li s-sitwazzjoni tan-nirien qed tinbidel minn jum għall-ieħor u biex l-għexieren tal-eluf ta’ residenti fl-Istat jibqgħu jaġġornaw ruħhom bl-aħħar żviluppi.
Il-Bureau tal-Meteoroloġija, issa, qal li diversi bnadi f’New South Wales qed ‘jinqlew’ taħt l-ogħla temperaturi għal kull żmien u li wasslu għal massimu ta’ 49 gradi Celsius.
It-temperaturi fil-belt ta’ Melbourne, fl-aħħar jiem, kienu stabbiliti fuq medja ta’ 41grad Celsius – bix-xejriet tat-temp madwar New South Wales qed jikkumplikaw dejjem aktar l-isforzi tal-firefighters biex iġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll.
Fl-aħħar sigħat, talanqas żewġ nirien kbar – f’Camperdown u Otways – kienu fl-ogħla livell ta’ emerġenza, b’nar kbir ieħor, fiz-zona ta’ Larralea, ukoll qed ikun lok għal tħassib sinifikanti.
Kien hemm ukoll biża’ li n-nirien f’Otways iwasslu għal sitwazzjoni magħrufa bħala ‘ember showers’ u li tkun qed toħloq u tferrex aktar inċidenzi ta’ nirien fil-madwar.
Dan fost rapporti li nqerdu numru ta’ residenzi fis-siti kollha fejn qed jaqbdu n-nirien — għalkemm mhux mifhum li mietu n-nies fiċ-ċirkustanzi.
L-uffiċjali tas-saħħa fi New South Wales u Stati Awstraljani oħrajn wissew anki li l-jiem konsekuttivi ta’ sħana estrema qed jimponu theddida kbira għas-saħħa tan-nies – speċjalment it-tfal, l-anzjani u persuni b’kundizzjonijiet fiżiċi partikulari…Persuni li huma aktar vulnerabbli minn ħaddieħor għal heat strokes u attakki tal-qalb fost is-sħana rekord.
Dan ukoll meta aktar xjenzati fl-Awstralja u madwar id-dinja qed jinsistu li x-xejriet tal-klima (climate change) qed jikkontribwixxu regolarment għal dawn il-heatwaves dejjem aktar intensivi madwar id-dinja.
//= $special ?>

