Net News jista’ jikkonferma li fiċ-Ċirkewwa l-għaddasa sabu l-katavru tat-tifla li tkaxkret bil-baħar nhar it-Tnejn filgħaxija.
Il-katavru ittella’ lejn il-moll tal-Marfa permezz ta’ lanċa tal-AFM. Dan wara li kien ġie lokalizzat mill-għaddasa f’qiegħ il-baħar.
Il-Pulizija stess ikkonfermaw fi stqarrija li l-katavru tat-tifla instab maqbud mal-blat fil-qiegħ tal-baħar. U minnufih kienet infurmata l-Maġistrat Monica Borg Galea li fetħet inkjesta, biex issa l-investigazzjonijiet qegħdin jissoktaw min-naħa tal-Korp Pulizija.
Kien kmieni filgħodu, meta l-għaddasa mill-AFM u dawk tal-Protezzjoni Ċivili komplew bit-tfittxija fiċ-Ċirkewwa għal din it-tifla Pollakka ta’ 13-il sena li jumejn ilu nġarret mill-baħar waqt li kienet qed tieħu ritratti taz-zona taċ-Ċirkewwa flimkien ma’ missierha u ħuha l-kbir.
Dawn l-għaddasa kienu diġa’ għamlu tfittxija mir-ramla ta’ Paradise Bay sal-lukanda li ġġib l-istess isem. Imbgħad, it-tfittxija kompliet bl-użu tal-lanċa Melita tal-AFM. Dan filwaqt li intużaw ukoll xi drones.
Fil-post kien hemm diversi uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta, kif ukoll backup minn Mater Dei.
Intant, il-ġenituri tat-tifla mal-ewwel ingħataw l-assistenza psikoloġika neċessarja wara t-trawma li għaddew minnha.
//= $special ?>

