Lokali Parlament

Malta m’għandhiex tkun vittma tas-suċċess tagħha stess fit-turiżmu

Mario de Marco, PN

Is-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Mario de Marco sostna fil-parlament li Malta m’għandhiex tkun vittma tas-suċċess tagħha stess fit-turiżmu.

Is-sena 2025 se tingħalaq b’ammont ta’ rekord bejn Jannar u Novembru ġew 3.8 miljun turist bl-indikazzjonijiet juru li f’Diċembru jkunu madwar 200,000 turisti ieħor għal iktar minn 4 miljun turist. Hu fakkar kif Gvern Nazzjonalista kien introduċa l-low cost airlines biex kibret l-aċċessibbiltà li wasslet għal suċċessi fit-turiżmu. Minn dawn it-turisti Għawdex attiraw 184,000 turist li għaddew ġurnata f’Għawdex.

Il-medja ta’ ġranet li t-turisti qed jgħaddu f’Malta qed tonqos għal 6.3 iljieli meta sentejn ilu dan kien 6.8 iljieli. 3.5 miljun turist għaddew il-btala tagħhom f’akkomodazzjoni mikrija waqt li 300,000 turist qagħadu f’postijiet tagħhom stess.

Mill-ammont ta’ turisti li ġew Malta, 800,000 ġew mir-Renju Unit, 550,000 mill-Italja, 354,000 turist mill-Polonja, 275,000 turist u 250,000 mill-Ġermanja.

In-nefqa totali hi ta’ kważi €4 biljun li hi mifruxa €890 miljun bil-package holiday, €600 miljun fuq vjaġġi tal-arju, €800 miljun f’akkomodazzjoni u €1,800 miljun f’nefqiet oħra.

In-nefqa medja ta’ kull turist hi ta’ €985 maqsuma bejn vjaġġi, akkomodazzjoni u spejjeż anċillerarji. Ir-realtà hi li €220 minnhom jmorru għall-vjaġġ tal-ajru. Dan ifisser li t-turisti qed jonfqu madwar €60 kull ġurnata. Hu qal li Malta m’għandhiex tispiċċa vittm tas-suċċess tagħha stess.

Jirriżulta li San Ġiljan hu l-aktar post fejn joqgħodu turisti fejn ikun hemm iktar turisti milli residenti. Warajh hemm il-Belt, spjega Mario de Marco, li qal li hemm bżonn li t-turiżmu jkun mifrux f’lokalitajiet oħrajn.

F’Malta hawn 190 lukanda b’40,000 sodda waqt li f’holiday premises hemm 31,000 sodda. Hemm ukoll 44 applikazzjoni pendenti b’6,000 kamra addizzjonali għal lukandi ġodda iżda-l-gvern mhuwiex se jkun jaf kemm hemm binjiet li se jkunu użati għal skopijiet turisti għal perjodi qosra għaliex mhemmx kategorija ta’ applikazzjoni li tiddistingwi bejn użu residenzjali jew għal perjodi fil-qosor.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern se jmur għal 4 miljun turist u sostna li Malta għandha l-ogħla densita fl-Ewropa u fid-dinja minħabba d-daqs tagħha. L-esperjenza turistika tista’ ssir waħda negattiva minħabba l-ammonti kbar ta’ turisti, sostna Mario de Marco li kompla li t-turiżmu għandu ħafna vantaġġi iżda piżijiet fuq il-finanzi tal-pajjiż u fuq l-infrastruttura.

Hu qal li l-pajjiż għandu jimporta l-barranin biex jaħdmu f’dan is-settur u sostna li l-pajjiż għandu bżonn ikun jaf kif inhi sejra l-KM Airlines billi l-accounts ikunu pubblikati għaliex dawn kellhom ikunu pubblikati xhur ilu.