Il-Ministru Miriam Dalli ma tridx tgħid meta ġiet infurmata dwar in-nuqqasijiet fis-sistema tal-ARMS li wasslu sabiex eluf ta’ kontijiet residenzjali waqfu jirċievu l-eko-riduzzjoni u konsegwentament spiċċaw bi ħlas ogħla milli suppost.
Dan hekk kif ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut għamel mistoqsija parlamentari lil Dalli bil-għan li l-poplu jkun jaf meta ġiet konxja dwar dan l-iżball li indirettament spiċċa ssarraf f’serq minn but il-familji Maltin u Għawdxin.
Madanakollu l-Ministru Miriam Dalli rrifjutat li twieġeb meta din saret taf, u jekk effettivament kinitx taf b’dan l-iżball qabel kixfu l-Partit Nazzjonalista.
Miriam Dalli sempliċiment wieġbet lil Mark Anthony Sammut billi rreferietu għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari ta’ ġimgħa qabel – fejn fiha rreferietu għal stqarrija ministerjali li għamlet fejn ħabbret li ħatret audit indipendenti sabiex jinvestiga l-iżball tal-ARMS.
Fl-ebda mument kemm fl-istqarrija ministerjali kif ukoll fiż-żewġ tweġibiet parlamentari ma spjegat meta saret taf u meta ġiet infurmata b’dan il-fatt.
Għalhekk il-Ministru Dalli qed tkompli tinsisti b’aġir li jwassal għal nuqqas ta’ trasparenza ċara u tonda hekk kif mhux talli dan l-iżball ma kienx magħruf lill-pubbliku, li jfisser li min ma kienx jaf b’dan in-nuqqas kien se jibqa’ jħallas żejjed, talli ma tridx tgħid meta saret taf b’dan kollu.
Dan ikompli jixħet dubji serji dwar kemm effettivament hi stess kienet infurmata qabel ma kixef kollox il-Partit Nazzjonalista li kompla jġib l-interessi taċ-ċittadin prijorità.
//= $special ?>

