Ewropa Internazzjonali Opinjoni Unjoni Ewropea

Opinjoni: Il-ftehim storiku bejn l-UE u l-Indja jurina li triq oħra hija possibbli

Permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet storiċi fil-kummerċ u s-sigurtà, l-UE u l-Indja qed juru li hemm mod differenti kif nimxu ’l quddiem fid-dinja tal-lum, tikteb Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Meta l-istoriċi għad iħarsu lura lejn l-2025, se jiftakruha bħala s-sena li fiha x-xquq fl-ordni globali ma stajtx tibqa’ tinjorah. Tariffi. Kontrolli fuq l-esportazzjoni. Dipendenzi ekonomiċi. Dawn saru strumenti ta’ pressjoni, u f’xi każijiet, armi. Dawn ix-xejriet ma bdewx is-sena l-oħra: l-ostakli għall-kummerċ globali kienu diġà ttriplikaw fis-sena ta’ qabel. Iżda l-2025 kienet is-sena meta għaddew mill-marġni għall-qalba tas-sistema – meta l-frammentazzjoni ma baqgħetx riskju iżda saret realtà.
It-titli fil-gazzetti u l-bulettini tal-aħbarijiet irrakkontaw storja ta’ kunflitt u ta’ protezzjoniżmu: ta’ pajjiżi li qed iħarsu ’l ġewwa, li qed iżidu ostakli ġodda, u li qed jużaw l-interdipendenza bħala arma. Din l-istorja tirrifletti ċaqliq reali fid-dinja ta’ madwarna. Iżda ma tirrakkontax l-istorja kollha u ma tirrakkontax l-istorja tal-Ewropa.

Risposta mill-Ewropa għad-dinja l-ġdida
L-2026 se niftakru fiha bħala s-sena li fiha l-Ewropa tat risposta għal din id-dinja l-ġdida, billi tat prova li nistgħu nieħdu triq oħra. Mill-qasam tal-enerġija sa dak tas-sigurtà, qed insaħħu l-indipendenza strateġika tagħna. Mhux billi ninħbew wara ħitan ta’ tariffi jew ninqatgħu mid-dinja. L-Ewropa hija l-pijuniera ta’ triq oħra – ir-reżiljenza f’darna u l-ftuħ barra. Għax illum is-saħħa ma tinbeniex bl-iżolament, iżda permezz tad-diversifikazzjoni.
U l-Ewropa mhijiex waħidha. Mill-Kanada sal-Indja, mill-Amerika Latina sax-Xlokk tal-Asja, hemm pajjiżi li qed ifittxu mudell li jżomm il-ftuħ waqt li jnaqqas id-dipendenza. L-Ewropa qiegħda fiċ-ċentru ta’ dan, mhux bħala spettatur iżda bħala mutur ewlieni.
Għaxart ijiem ilu, kont il-Paragwaj biex niffirma l-ftehim bejn l-UE u l-Mercosur, li ħoloq suq ta’ aktar minn 700 miljun persuna u li ressaq l-Ewropa u l-Amerika Latina eqreb xulxin f’mument ta’ riallinjament globali. Illum, ninsab fi New Delhi biex nikkonkludi l-akbar ftehim kummerċjali li qatt intlaħaq kemm mill-Unjoni Ewopea u kemm mill-Indja.

Benefiċċji immedjati għall-Ewropej
Il-ftehim bejn l-UE u l-Indja se jġib benefiċċji immedjati għan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej. L-Indja diġà tirrappreżenta aktar minn €180 biljun f’kummerċ annwali ta’ oġġetti u servizzi mal-UE, u tappoġġa kważi 800,000 impjieg Ewropew. Skont dan il-ftehim, se jiġu eliminati jew imnaqqsa t-tariffi fuq 90% tal-kummerċ. L-esportaturi Ewropej se jiffrankaw sa €4 biljun fis-sena f’dazji, u l-esportazzjonijiet tal-UE huma mistennija jirduppjaw maż-żmien.
Iżda dan il-ftehim ma jfissirx biss li qed nimmaniġjaw ir-riskji fi żminijiet ta’ taqlib, iżda li naħtfu l-opportunitajiet. Huwa investiment fis-sħubija fit-tul bejn tnejn mill-poteri deċiżivi tas-Seklu 21.
L-Indja hija l-aktar pajjiż popolat fid-dinja, u hija l-iktar ekonomija kbira li qed tikber malajr. B’espansjoni ta’ aktar minn 6% fis-sena, din se tixpruna t-tkabbir globali għal għexieren ta’ snin. M’aħniex biss qed nagħmlu aktar kummerċ, qed ninvestu fil-futur ta’ xulxin. Dan il-ftehim jagħti l-aħjar kundizzjonijiet li l-Indja qatt offriet lil kwalunkwe sieħeb. Il-kumpaniji Ewropej se jgawdu minn kundizzjonijiet li l-kompetituri globali qatt ma kellhom qabel – għalhekk se jkunu f’pożizzjoni li jgħinu biex isawru u jikkondividu dak it-tkabbir flimkien mas-sħab Indjani. L-Indja se tikseb sieħeb fdat u li tista’ toqgħod fuqu biex tinvesti fiż-żieda globali tagħha.
Il-bdiewa Ewropej se jibbenefikaw ukoll. Illum, l-Ewropa tesporta għaxar darbiet aktar prodotti agroalimentari lejn iċ-Ċina milli lejn l-Indja. Dan il-ftehim se jgħin biex dan id-distakk jingħalaq. It-tariffi Indjani fuq l-inbid se jonqsu minn 150% għal 20%. Id-dazji fuq iż-żejt taż-żebbuġa se jonqsu minn 40% għal zero. Se jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-bdiewa tal-Ewropa f’suq tal-konsumaturi vast u dejjem aktar prosperu.
Fl-istess ħin, il-punti sensittivi tal-Ewropa huma protetti bis-sħiħ. Ma hemm l-ebda tnaqqis fit-tariffi fuq iċ-ċanga, it-tjur jew iz-zokkor, u l-istandards kollha tal-UE dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent ikomplu japplikaw għall-importazzjonijiet mill-Indja.
Il-ftehimiet kummerċjali spiss jinstemgħu tekniċi. Iżda l-effett tagħhom huwa sempliċi: meta d-dinja tinħass inċerta, il-ftehimiet kummerċjali joħolqu ċertezza. Dan huwa importanti. Huwa importanti għall-produttur tal-inbid f’Bourgogne li jiddeċiedi jekk jinvestix fi ħsad akbar, jew għall-imprenditur tat-teknoloġija f’Riga li jikkunsidra jekk jimpjegax persunal ġdid biex jadatta għal app għal suq imbiegħed. U huwa importanti għal birrerija f’Malta, li qed tikkunsidra tespandix l-esportazzjoni tal-prodotti tagħha għal swieq globali li qed jikbru malajr.

Mhux ekonomija biss
Dan il-ftehim huwa aktar milli dwar l-ekonomija biss. L-Ewropa hija responsabbli għad-difiża tagħha stess, bħalma aħna responsabbli għall-prosperità tagħna stess. Iżda fis-sigurtà, bħal fil-kummerċ, nafu li għandna bżonn niddiversifikaw. Illum, qed niffirmaw l-ewwel sħubija ta’ sigurtà u difiża bejn l-UE u l-Indja. Sinjal ieħor ta’ kemm inbidlet id-dinja, u ta’ kif realtajiet ġodda jistgħu joħolqu rabtiet ġodda. Qed insaħħu r-rabtiet bejn l-industriji tad-difiża tagħna u l-forzi armati tagħna, inklużi eżerċizzji navali konġunti biex tiġi indirizzata l-piraterija u jiġu protetti r-rotot marittimi vitali.
Waqt li jiffaċċjaw ordni globali aktar frammentat, l-Ewropa u l-Indja qed juru li hemm mod ieħor kif nimxu ’l quddiem – il-koperazzjoni minflok il-konfrontazzjoni.
Dan mhuwiex iż-żmien għal politika ta’ nostalġija. Id-dinja mhijiex se terġa’ lura għaċ-ċertezzi l-qodma. Jekk nibqgħu fejn aħna, dan mhux se jirrestawra l-istabbiltà; se jiżgura biss deterjorament.
It-tweġiba tal-Ewropa hija li torbot lilha nnifisha ma’ sħab fdati, filwaqt li taqbad triq ta’ diversifikazzjoni, kooperazzjoni u saħħa – mingħajr illużjoni u mingħajr biża’.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 28 ta’ Jannar, 2026.