Opinjoni

Opinjoni: Ir-riżenja ta’ Galdes għandha tkun biss il-bidu

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Ir-riżenja ta’ Roderick Galdes minn Ministru tal-Housing Affordabbli ftit jiem ilu tikkonferma li din l-istorja hija skandlu serju ieħor u li għandu jħammar wiċċ il-Gvern li sa mill-2013, Gvern Laburista wara ieħor infena bi skandli li fihom il-poplu jinsteraq fil-wiċċ. Dan il-każ, jidhirli li jolqot fil-laħam il-ħaj aktar minn kull skandlu ieħor għaliex il-Ministru responsabbli u inkarigat li jassigura li l-pajjiż jagħmel l-aħjar użu possibbli mill-fondi allokati biex jiġġieled il-pjaga tal-Housing Soċjali, allegatament jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu biex jistagħna hu.
Dan huwa skandlu serju – għedt – mhux għax ixaqleb lejn wieħed kriminali (biss) imma għaliex jikxef komplott dettaljat u profond li bih il-Ministru użu l-kariga tiegħu ta’ Ministru għall-interessi personali, waqt li baqa’ jirrifjuta li jirriżenja sal-aħħar minuta. Ironikament, il-Priministru baqa’ jiddefendih sal-aħħar u joħroġ biċ-ċar li l-interess tagħhom kien biss li ma jitħammiġx il-Partit Laburista. Din ir-riżenja – li tasal f’mument delikat fil-leġiżlatura attwali –televa l-kultura ta’ nuqqas ta’ kontabbilità u responsabbiltà politika fl-ogħla karigi fil-pajjiż u tikkonferma li ma teżistix biżżejjed distinzjoni bejn il-ħajja politika u l-ħajja privata: meta l-politiku jiggwadanja personalment mill-kariga tiegħu jkun qabeż kull limitu.

Allegazzjonijiet xokkanti
Il-pressjoni biex jirriżenja Roderick Galdes ma ssaħħitx issa, anzi matul dawn l-aħħar xhur qamu diversi allegazzjonijiet xokkanti biżżejjed biex jekk ried inaddaf ismu – kif qal li se jagħmel – kellu jħalli l-kariga meta feġġew għall-ewwel darba fil-media. Qabel xejn, il-Malti jgħid li l-qasba ma ċċaqċaqx għal xejn, u għalhekk irrid nifhmu li ebda allegat skandlu jew tixħim jew korruzzjoni ma jixirfu hekk għal xejn b’xejn – imma dejjem ikun hemm l-għeruq ankrati fid-dubju tal-korruzzjoni. Il-każ imur lura lejn tmiem is-sena li għaddiet, meta ħareġ fil-media li Roderick Galdes akkwista (se nuża din il-kelma u mhux “xtara”) penthouse b’garaxx fir-Rabat Għawdex għall-prezz redikolu ta’ €140,000 (biss!) mingħand żviluppaturi li kienu qed jagħtu servizz lill-istess Ministeru li jmexxi hu. Tali prezz fis-suq, minkejja kull ċaħda jew kull skuża, anke skont kif analizzat mill-esperti huwa daħka fil-wiċċ u insult lejn min qiegħed jistinka u jaħdem lejl u nhar biex ikollu saqaf fuq rasu.
Matul dan il-perjodu li faqqa’ dan l-iskandlu (anke jekk tmewwet ftit minħabba l-festi) l-aktar akkuża serja li bdiet tinħass kienet dwar il-qrubija li teżisti bejn il-Ministru u l-iżviluppaturi li mingħandhom xtara l-proprjetà, b’mod partikolari żviluppaturi assoċjati mal-Malita Investments PLC – responsabbli mill-proġetti ta’ Housing maġġuri fil-pajjiż. Marlene Mizzi (eks MEP għal-Labour, u eks Chairperson tal-Malita) kienet akkużat pubblikament b’interferenzi u relazzjonijiet intimi mal-iżviluppaturi. Dan kien il-perjodu li fih l-iskandlu kien għadu fl-infanzja tiegħu.
Madankollu, fil-bidu ta’ din is-sena, il-gazzetta The Times of Malta investigat lil hinn minn dawn l-akkużi u esponiet kif l-FIAU (Intelligence Analysis Unit) innotat potenzjalment kunflitt ta’ interess li jmur lura sa mill-anqas l-2021 – jiġifieri saħansitra qabel il-bidu ta’ din il-leġiżlatura! – meta ħu Galdes stess kien meqjus bħala “sieħeb qarib fin-negozju” ta’ sid il-kumpanija mqabbda biex tmexxi l-proġetti multimiljunarji ta’ Housing Soċjali minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza fin-negozju tal-kostruzzjoni.

Għaliex issa?
Tajjeb li nwieġbu mistoqsija li ħafna qed jistaqsu: ‘Għaliex irriżenja issa u mhux qabel’? It-tweġiba hija sempliċi. L-ewwel nett, il-Ministri tal-Labour jirriżenjaw mhux għax huma akkontabbli imma għaliex ikunu nqabdu jgerfxu bl-id twila tal-korruzzjoni. Hekk ġara f’dan il-każ. Fil-fatt, ftit qabel kienu esposti dawn l-aħħar dettalji, il-Ministru għażel li jirriżenja sabiex il-Gvern inaqqas mill-potenzjalment daqqa li seta’ jieħu la darba jiġu żvelati d-dettalji li jkomplu jinkriminaw lil Galdes. Fl-istqarrija pubblika tiegħu, qabel irriżenja, huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala vittma ta’ attakki sinkronizzati biex jgħarrqu l-karriera politika tiegħu u baqa’ jinsisti li ma għamel xejn ħażin. Il-vittmi, madankollu, huma dawk li qegħdin fuq il-lista tal-Housing Soċjali u li għalihom il-Gvern ma għandux flus biex jibni aktar units, mela l-Ministru!
It-Times of Malta – gazzetta li rrappurtat bi prominenza dan il-każ u effettivament kixfet kif dan mhux sempliċiment spin politiku bħalma donnu jrid jgħid il-Ministru stess. Dan imur ħafna aktar minn hekk. Mir-rappurtaġġ kollu tal-gazzetta joħroġ ċar kif l-FIAU xegħlet diversi bozoz ħomor fuq l-arranġamenti kuntrattwali li jinvolvu l-kumpaniji assoċjati mal-familja ta’ Galdes stess – każ klassiku li juri kunflitt ta’ interess gross li qatt ma kellu jkun f’pajjiż demokratiku modern. Aktar minn hekk, l-istess gazzetta analizzat it-tranżazzjonjiet tal-proprjetajiet akkwistati minn Galdes, u li jikkonfermaw kif il-prezzijiet li ħallas huma anqas minn kemm l-istess proprejatjiet jinbiegħu fis-suq. Dan kollu jqajjem dulluvju ta’ dubji dwar negozjati privileġġjati fil-konfront tiegħu għax hu min hu – u għall-ebda raġuni oħra. Intenni, dan huwa insult lejna li rridu naħdmu lejl u nhar biex nixtru proprjetà u nħallsuha bi prezz għoli minħabba l-politika tal-Gvern!

Id-dgħufija ta’ Robert Abela
Nagħlaq billi nafferma li mill-informazzjoni li għandna dwar il-każ, dan mhux sempliċiment skandlu li jiġi u jmur. Apparti li jikkonferma d-dgħufija tal-Gvern u ta’ Robert Abela li l-interess ewlieni tiegħu huwa l-Partit u l-voti li ma jistax ikompli jitlef, jikkonferma wkoll li l-pajjiż baqa’ ma tgħallem qatt minn skandli oħra li tappnu u dgħajfu r-reputazzjoni demokratika tagħna. Hija ħasra li pajjiżna donnu xi ‘utopja politika’ għalih u jibqa’ jinjora strutturi ta’ governanza Ewropej u anke twissijiet minn awtoritajiet internazzjonali kompetenti bħall-OECD u oħrajn.
Jidhirli li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ jsus wara l-akkontabbiltà, it-trasparenza u r-responsabbiltà politika b’mod assolut.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 28 ta’ Jannar, 2026.