Opinjoni

Opinjoni: Iva għal pajjiżna aħjar

Alex Borg għamel stedina biex Malta u Għawdex jerġgħu jemmnu fihom infushom

Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar u l-Artijiet

Il-messaġġ għall-Ewwel tas-Sena tal-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ġibed l-attenzjoni ta’ kulħadd, inkluż tal-midja, proprju għaliex ma kienx diskors għal moxt u l-mera imma kien diskors ta’ tmexxija li ħares lil hinn mill-awguri.
Alex Borg ma tkellimx “biss bħala Kap tal-Oppożizzjoni, iżda bħala ċittadin bħalkom”, u għamel dan “b’umiltà imma b’responsabbiltà kbira”.
Dan hu stil ta’ politika li tinżel fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u li ma titkellimx minn fuq pedestall. Il-midja wkoll interpretat dan it-ton bħala approċċ serju u kredibbli biex terġa’ tinbena r-relazzjoni ta’ fiduċja bejn iċ-ċittadin u l-politika, relazzjoni li f’dawn l-aħħar snin ġiet imdgħajfa b’mod drastiku.

“Malta tinsab f’salib it-toroq”
Dan mhuwiex kliem retoriku, iżda rikonoxximent li l-pajjiż jinsab f’mument deċiżiv. Il-Kap tal-PN ma ħarabx mir-realtà, iżda sejħielha b’isimha: l-għoli tal-ħajja, l-isfida tal-akkomodazzjoni affordabbli, infrastrutturi xpakkati u pagi li “mhux qed ikunu biżżejjed biex ilaħħqu mar-realtajiet tal-ħajja”.
Kulħadd seta’, ġustament, jinnota, li dan id-diskors għandu l-għeruq tiegħu fl-esperjenzi ta’ kuljum tal-familji, fejn “din mhix realtà astratta, imma hi l-konverżażzzjoni ta’ madwar il-mejda tal-ikel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-qlub tal-familji li qed jipprovaw jippjanaw il-futur tagħhom.”

Tmexxija vera ma tieqafx fl-analiżi
Il-PN qed joffri viżjoni kokreta u Alex Borg ippreżenta futur mibni fuq “tliet pilastri – ir-rispett, il-kuraġġ, imma fuq kollox it-tama”. Mhux tama sentimentali, iżda proposta politika: il-fiduċja li Malta u Għawdex jistgħu jagħmlu u jkunu aħjar jekk jerġgħu jemmnu fihom infushom. Mhux ta’ b’xejn li diversi rapporti enfasizzaw il-messaġġ pożittiv li “Malta iva, tista’ tagħmel aħjar”.
Element ieħor li jikkonferma li dan kien diskors ta’ mexxej serju hu l-enfasi fuq kif għandha ssir il-politika. Alex Borg sejjaħ għal “politika li titkellem inqas u tisma’ aktar”, politika li ma tinbeniex fuq “storbju u daqq ta’ trombi, imma b’ideat u soluzzjonijiet”. Din hi viżjoni ta’ tmexxija li tħares lejn il-kwalità tad-demokrazija u mhux biss lejn il-ġlieda partiġjana.

Stedina u sfida
Partikolarment sinifikanti hija l-wegħda li l-Partit Nazzjonalista “se nkun hemm għal dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika”. F’soċjetà fejn id-diżillużjoni qed tikber, din hija dikjarazzjoni ta’ tmexxija morali li inqrat b’mod ċar bħala sinjal ta’ kuraġġ u sens ta’ responsabbiltà.
Din, fl-aħħar mill-aħħar, hi stedina miftuħa lilna lkoll u lill-Pajjiżna biex din is-sena narawha bħala l-bidu ta’ “Diskussjoni miftuħa dwar il-pajjiż li se nħallu lil uliedna u lil ulied uliedna. Dwar l-għażliet li ser nagħmlu biex dak li hu tajjeb għal pajjiżna nippreżervawh imma dak li għandu bżonn li jiġi rranġat nirranġawh.”
Din hi l-isfida li għandna: Dan huwa tassew “il-mument tagħna”. Se nibqgħu nistennew li ħaddieħor jagħmel il-futur għalina, jew se nieħdu sehem attiv biex nibnu Malta u Għawdex aħjar, aktar ġusti u aktar ħanina mibnija fuq it-talent ta’ poplu ħawtiel?
Dan huwa l-awgurju tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 25 ta’ Jannar, 2026