Raġel ta’ 43 sena residenti ż-Żejtun nstab ħati li kkaġuna ġrieħi ħfief lil mara waqt argument dwar parkeġġ fiż-Żebbuġ, Għawdex, iżda ġie lliberat b’mod kondizzjonat wara li l-Qorti qieset li l-vittma kkontribwiet ukoll għall-inċident.
Il-każ instema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, fejn Roderick Caruana kien akkużat li fil-21 ta’ Lulju 2024, għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq il-Forn, aggredixxa lil Marialaura Liccardi u kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Mill-provi rriżulta li l-inċident seħħ waqt argument bejn il-partijiet meta Caruana kien qed jipprova jipparkja l-vettura tiegħu wara dik tal-mara. Skont ix-xhieda, l-argument eskala f’konfrontazzjoni fiżika li matulha l-akkużat imbotta lill-mara. Il-Qorti qieset li dan l-aġir kien żbaljat u li l-akkużat qatt ma kellu jerfa’ jdejh fuqha, anke jekk kien hemm provokazzjoni.
Madankollu, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-verżjoni tal-mara ma kinitx kompletament kredibbli u li r-riżultati mediċi jikkonfermaw biss tbenġila minima fuq moħħa, kif iċċertifikat minn tabib fl-istess jum tal-inċident. Il-Qorti qalet li l-feriti l-oħra allegati ma kinux konsistenti mal-provi mediċi u li l-imġiba tal-parte civile, inkluż li tat daqqiet fuq il-vettura tal-akkużat u li ppruvat taggredieh, ikkontribwiet għal eskalazzjoni tal-argument.
Għaldaqstant, filwaqt li sabitu ħati tal-akkuża ta’ ġrieħi ħfief, il-Qorti applikat liberazzjoni kondizzjonata għal perjodu ta’ sitt xhur, bil-kundizzjoni li l-akkużat ma jikkommettix reat ieħor f’dan iż-żmien. Il-Qorti spjegatlu li jekk jikser din il-kundizzjoni jista’ jingħata sentenza għar-reat li nstab ħati tiegħu.
Barra minn hekk, sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-parte civile u għall-bon ordni pubbliku, il-Qorti rabtet lill-akkużat taħt obbligazzjoni personali għal perjodu ta’ sena, taħt penali ta’ €500. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur tal-Pulizija Josef Gauci.
//= $special ?>

