Futbol Sport

Tfeġġ possibiltá li Maxime Lopez jilgħab għal Malta wara li eskluda li jrid jilgħab għall-Alġerija

Maxime Lopez meta kien jilgħab ma' Fiorentina flġ-Italja.
Maxime Lopez meta kien jilgħab ma' Fiorentina flġ-Italja.

Fl-aħħar sigħat kien hemm dikjarazzjoni ċara u diretta mill-midfielder Franċiz, Maxime Lopez li għandu parantela Alġerina kif ukoll Maltija.

Meta kien qed iwieġeb għal tweet ta’ partitarju tat-tim nazzjonali Alġerin, jekk kienx qed jiddiskuti l-possibiltá li jissejjaħ biex jilgħab mal-Alġerija, il-plejer ta’ 28 sena eskluda għal kollox li fil-futur kien se jilgħab ma’ dan il-pajjiż, li jagħmel parti man-naħa ta’ fuq tal-Afrika.

Fuq il-midja soċjali, l-eks plejer ta’ Marseille, Fiorentina u Sassuolo saħaq li l-ipoteżi li hu jilgħab għat-tim nazzjonali Alġerin, wara li llum ftit li xejn, jekk mhux xejn, għandu ċans jilgħab ma’ Franza, “qatt ma kienet taħt konsiderazzjoni. Kont sempliċiment qed inwieġeb għal mistoqsijiet ta’ intervista u li x-xnigħat kienu foloz.”

Maxime Lopez, kien qed jirreferi għal kummenti li għamel f’Novembru tal-2025, meta kien qal li jaċċetta sejħa mill-Alġerija jekk tasal.

Lopez qal li għandu rispett kbir lejn it-tim nazzjonali Alġerin u n-nies tiegħu, u awguralhom suċċess fil-partiti li ġejjin, speċjalment fit-Tazza tad-Dinja, skedata bejn l-11 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju.

Imwieled f’Marsilja, Maxime Lopez irrappreżenta lil Franza fil-livell taż-żgħażagħ, inkluż taħt il-21 sena, fejn lagħab 13-il darba bejn l-2017 u l-2019. Għandu għeruq Alġerini permezz ta’ ommu, li ġejja minn Bejaïa.

F’Diċembru tal-2024, waqt li kien mistieden f’Replay, il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo kien ikkonferma li Maxime Lopez għandu għeruq Maltin, iżda għad m’għandux il-passaport Malti.

Replay bqajna insegwu lil dan il-plejer, li llum jilgħab f’Ligue 1 ta’ Franza ma’ Paris FC u għandu valur fis-suq ta’ ftit aktar minn €6 miljuni.

M’huwiex sigriet li meta l-MFA saret taf bl-għeruq tiegħu li huma Maltin, bdiet l-ewwel kuntatti miegħu iżda meta wieħed jikkonsidra t-talent u l-abiltá ta’ dan il-plejer, u li kellu ċans jilgħab ma’ Franza u l-Alġerija, apparti Malta, il-plejer qatt ma esprima jew ta x’jifhem li ried jilgħab għal Malta.

Madankollu, b’din id-dikjarazzjoni minn Maxime Lopez, li hu ma kienx se jilgħab ma’ l-Alġerija, u biċ-ċans li jkun mgħajjat ma’ Franza huma kważi xejn, taf tikber il-possibiltá li l-plejer jaċċetta s-sejħa ta’ Emilio De Leo, kemm il-darba dan ikun interessat fiħ.

Replay jista’ jikkonferma li De Leo qed isegwi dawn l-aħħar żviluppi b’interess u wieħed jifhem ukoll li wara dak li qal Maxime Lopez, l-MFA se tkun qed terġa’ tagħmel tentattiv ieħor biex tħajjar lill-captain ta’ Paris FC, jaċċetta li jilgħab għal Malta.

Hu mifhum li Maxime Lopez għandu parantela Maltija mil-bogħod u x’aktarx ir-rabta tiegħu ma’ Malta ġejja minn naħa t’ommu peress li fil-bidu tas-seklu l-ieħor, l-istorja tgħidilna li kien hemm ħafna Maltin li kienu emigraw lejn pajjiżi bħall-Alġerija u qatt ma reġgħu rritornaw f’Malta.

Fil-fatt din hija l-istess storja ta’ Ilyas Chouaref, li għandu għeruq Maltin minn naħa t’ommu.

Kemm il-darba, Maxime Lopez jasal biex jaċċetta li jilgħab għal Malta, hu jsir l-aktar plejer fit-tim nazzjonali Malti li jiswa’ flus, saħanistra aktar minn Ilyas Chouraref, Teddy Teuma u Irvin Cardona.

Skont il-portal transfermarkt.com, bħala ranking ta’ plejer Franċiz, Maxime Lopez jikklassifika fil-147 post minn fost il-plejers kollha Franċiżi li għadna madwar id-dinja. B’Maxime Lopez jiswa’ €6 miljunim, attwalment l-aktar plejer fit-tim nazzjonali Malti li jġib flus hu Chouaref b’valur ta’ €3 miljuni.

Warajħ insibu lil Teuma u Cardona li t-tnjen li huma jiswew €2.5 miljuni.