Tliet irġiel Taljani ġew imressqa quddiem il-Qorti wara operazzjoni tal-pulizija t-Tnejn li għadda – li wasslet għall-konfiska ta’ 13-il kilogramma kokaina u kannabis, flimkien ma’ aktar minn nofs miljun ewro f’flus kontanti u ġojjellerija.
L-ewwel żewġt irġiel li dehru fil-qorti kienu Giorgio Gafà, ta’ 28 sena, u Alessio Guastelluccia, ta’ 29 sena, li t-tnejn qalu li huma bla xogħol L-Ispettur tal-Pulizija Mark Mercieca spjega li ‘gang’ kriminali barranin kien taħt sorveljanza għal xhur sħaħ suspettat li kien involut fit-traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus f’Malta. Intalab mandat ta’ arrest nhar it-Tnejn – u dan twettaq fl-istess ġurnata.
Fil-jum tal-arresti, il-pulizija segwiet lil Gafà sakemm wasal fi residenza f’Swieqi. Huwa ġie osservat idaħħal kaxxa kbira fid-dar fejn joqgħod għal madwar 40 minuta, u jerġa’ joħroġ flimkien ma’ Guastelluccia. Il-pulizija waqfu lit-tnejn u sabu ammont ta’ kannabis fil-backpack ta’ Guastelluccia u ammont żgħir ta’ kokaina fil-karozza ta’ Gafà.
Matul is-sorveljanza ta’ djarhom, sabu aktar evidenza: madwar 12-il kilogramma kannabis u ġojjellerija fid-dar ta’ Guastelluccia, u kannabis resin, ġojjellerija u madwar €380,000 kontanti fil-garaxx ta’ Gafà. Fil-mutur ta’ Gafà instabet arma misruqa.
Gafà, oriġinarjament minn Sirakuża, u Guastelluccia, minn Noto fi Sqallija, ġew akkużati li kkonfoffaw biex jixtru u jbigħu l-kannabis u kokaina, li kellhom id-drogi f’possess tagħhom b’ċirkostanzi li ma kinux għal użu personali u li wettaq il-ħasil tal-flus, filwaqt li Gafà biss kien akkużat ukoll b’pusses ta’ resina tal-kannabis u arma mhux liċenzjata. It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Il-qorti imponit ordnijiet ta’ ffriżar fuq l-assi tagħhom u nżammu taħt arrest.
It-tielet raġel, Samuele Pernicone, ta’ 35 sena, minn Messina u residenti f’Tas-Sliema, ġie imressaq separatament. Il-pulizija qalu li sabulu bejn 40 u 50 grammi kokaina, 20–40 gramma kannabis u qraras vojta fl-appartament tiegħu.
Pernicone wieġeb li ma kienx ħati ta’ pusses aggravata tad-droga. L-avukati tad-difiża talabu l-ħelsien fil-konfront tiegħu, filwaqt li ppreżentaw l-possibbiltà li l-każ jitqiegħed jgħaddi quddiem Qorti tad-Droga, li mhijiex marbuta li tagħti sentenza ta’ priġunerija.
Il-pulizija opponiet, u enfasizzat is-serjetà tar-reati, nuqqas ta’ rabtiet ma’ Malta u li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Il-qorti ċaħdet il-bail u imponit ukoll ordni ta’ friżżar fuq l-assi tiegħu. Il-maġistrat Kevan Azzopardi preseda l-każ, filwaqt li l-avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – assistita mill-Ispetturi Mark Mercieca u John Leigh Howard mexxew il-prosekuzzjoni.
Fi stqarrija l-Pulizija kienet qalet li kien ħames Taljani li ġew arrestati b’rabta ma’ dan il-każ fuq droga, flus kontanti, oġġetti lussużi u arma. L-operazzjoni, li saret nhar il-Ġimgħa, kienet immirata lejn netwerk kriminali barrani suspettat li kien involut fit-traffikar tad-droga, ħasil tal-flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
Erba’ irġiel u mara , b’età bejn 27 u 35 sena, ġew arrestati f’konnessjoni mal-investigazzjoni. Matul l-tfittxijiet f’diversi residenzi f’Ħ’Attard, Sliema u Swieqi, il-pulizija sabu u konfiskaw madwar 13-il kilogramma sustanzi suspettati li kienu kokaina, resina tal-kannabis u kannabis, bi valur stmat tas-suq ta’ madwar €250,000.
Il-pulizija konfiskaw ukoll libsa u ġojjellerija ta’ lussu bl-istess valur ta’ madwar €150,000 u €386,715 f’flus kontanti. Żewġ vetturi ġew ukoll sekkwestrati waqt l-operazzjoni, flimkien ma’ arma li aktar tard ġiet kkonfermata bħala rapportata misruqa.
Gafà u Guastelluccia kienu rappreżentati mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit, filwaqt li Pernicone kien rappreżentat minn José Herrera, Martina Herrera, Alex Scerri Herrera u Naomi Spiteri.
//= $special ?>

