Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa, Marsaxlokk ħabbru l-akkwist ta’ żewġ plejers fir-rwol ta’ attakkanti; l-Ingliż James Kirby u d-Daniż Rasmus Lindén, Net News jista’ esklussivament jiżvela li Żabbar St Patrick xeħtu għajnejhom fuq l-attakkant Sudaniż, Ayom Majok.
Il-plejer ta’ 23 sena, kien wieħed mill-akkwisti l-ġodda ta’ Marsaxlokk fis-sajf li għadda. Matul dan l-ewwel staġun tiegħu f’Malta, Majok lagħab 14-il partita fil-Malta Premier u skorja darbtejn. Iż-żewġ gowls skorjati minn Majok kienu fl-istess partita, meta f’Ottubru li għadda hu kien il-protagonista tat-tim fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Tarxien Rainbows.
Fl-aħħar partiti li Marsaxlokk lagħbu fil-Kampjonat, Majok ma kienx regolari fl-għażliet tal-kowċ Enzo Potenza, bl-aħħar dehra tiegħu kienet fl-ewwel partita mil-Closing Round, meta fit-18 ta’ dan ix-xahar, Marsaxlokk tilfu 3-0 kontra Gżira United. Dak in-nhar, l-internazzjonali tas-Sudan t’Isfel lagħab 45 minuta għal Marsaxlokk.
Hu fatt li Żabbar St Patrick qed ifittxu alternattivi biex isaħħu l-attakk tagħhom, u sorsi qrib in-negozjati bejn iż-żewġ klabbs, ikkonfermaw magħna, li t-trasferiment ta’ Majok hu qrib li jkun konkluż u jsir uffiċjali miż-żewġ klabbs.
//= $special ?>

