Lokali Qorti

Żagħżugħ jingħata l-pleġġ fuq allegat serqa minn ħanut tal-mobiles

Sheldon Micallef, residenti l-Mosta u li għad għandu 18-il sena, tressaq il-Qorti mixli li matul il-ġurnata tat-23 ta’ Jannar li għadda wettaq serqa mill-ħanut Techhub fin-Naxxar. Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, Micallef ġie akkużat b’serq ta’ mobiles li l-valur tagħhom jaqbeż is-€2,333, kif ukoll li rriżulta kompliċi f’dan is-serq.

Huwa ġie mixli wkoll li naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti mill-Qorti fl-10 ta’ Ottubru li għadda, f’deċiżjonijiet mogħtija mill-Maġistrati Gianella Camilleri Busuttil, Abigail Critien u Claire Stafrace Zammit, u li sar reċidiv.

Marbuta ma’ din is-serqa minn ħanut tal-mobiles it-Tlieta li għadda kienet ukoll wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ nazzjonalità Għarbija, li tressaq il-Qorti wara li allegatament insterqu ħames iPhones minn l-istabbiliment kummerċjali fin-Naxxar. Il-każ ġie ppreżentat quddiem il-Qorti, fejn irriżulta li tlieta mill-ħames mobiles misruqa ġew irkuprati minn fuq l-imputat li tressaq it-Tlieta.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-investigazzjonijiet bdew wara rapport ta’ serqa mill-ħanut, b’azzjonijiet tal-Pulizija li wasslu biex jiġi identifikat u arrestat is-suspettat. Intqal li l-valur totali tal-mobiles misruqa kien konsiderevoli, u li r-rekuperazzjoni parzjali tal-oġġetti saret waqt l-arrest.

Matul is-seduta, id-difiża ressqet xhieda ta’ social worker sabiex tappoġġja talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tisma’ wkoll dwar iċ-ċirkostanzi personali tal-imputat. Wara li kkunsidrat l-argumenti miż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-bail u ordnat il-ħelsien mill-arrest tal-imputat fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €4,000, soġġett għall-kundizzjonijiet imposti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Joseph Mallia. Għall-akkużat dehru l-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.