Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg illum kiteb lill-Prim Ministru – bi tweġiba għal ittra li bagħatlu Robert Abela lbieraħ filgħaxija – biex jinfurmah li qed jistenna li jkomplu bit-taħditiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid, liema kariga trid timtela wara li jkun hemm qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra b’vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qabel unanimament li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jkompli bit-taħditiet mal-PM fuq din il-kariga importanti li dwarha l-Prim Ministru huwa obbligat li jilħaq ftehim mal-Oppożizzjoni.
Minkejja li d-diskussjonijiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid kienu għadhom għaddejjin, il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ kiser il-ftehim ta’ rġulija u kunfidenzjalità mal-Kap tal-Oppożizzjoni u wera nuqqas kbir ta’ rispett lejn is-serjetà u l-maturità meħtieġa fil-kunsiderazzjoni ta’ kariga daqstant importanti meta qabad u unilateralment ikkomunika b’mod pubbliku d-deċiżjoni tal-Gvern li jinnomina mħallef sedenti għal din il-kariga.
Ma’ dan żdiedu wkoll il-kummenti li għadda l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard lill-midja – kummenti li ngħataw fil-pubbliku proprju fl-istess ħin li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien għadu kif irċieva l-ittra tal-Prim Ministru biex tinfurmah bid-deċiżjoni tiegħu.
Robert Abela mar lura wkoll mill-kelma li ta lil Alex Borg li ma jkun ikkomunikat fil-pubbliku l-ebda isem qabel ma jintemmu t-taħditiet formali u jkun intlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat. Dan anke b’rispett lejn il-membri kollha tal-ġudikatura.
Bl-appoġġ sħiħ tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, b’żamma mal-intiża ta’ kunfidenzjalità dwar dak li qed jiġi diskuss bejniethom u b’rispett sħiħ, matur u dinjituż lejn l-importanza tal-kariga ta’ Prim Imħallef kif tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux se jkun qed jagħmel kif għamel il-Prim Ministru u sakemm ma jintlaħaqx qbil fuq min għandu jkun is-suċċessur tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, mhux se jkun qed jikkummenta fil-pubbliku fuq dak li jingħad fit-taħditiet mal-Prim Ministru li jistenna li jkomplu mil-lum.
Hekk titlob l-irġulija.
Hekk jitolbu l-ispirtu u d-dettat tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
//= $special ?>

