Lokali Qorti

Ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti għal raġel mixli li weġġa’ serjament ħames persuni f’Marsalforn

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, tat il-ħelsien mill-arrest lil Hassane Soutra, Marokkin ta’ 53 sena li joqgħod iż-Żebbuġ, Għawdex, li jinsab mixli b’inċident serju li seħħ kmieni filgħodu tal-21 ta’ Diċembru f’Marsalforn. Soutra huwa akkużat li saq fuq in-nies u weġġa’ gravi ħames persuni, fosthom żewġ ġuvintur ta’ 22 sena min-Naxxar u tfajla ta’ 19-il sena mir-Rabat Għawdex, kif ukoll li saq taħt l-influwenza tax-xorb.

L-imputat kien tressaq il-Qorti l-għada tal-inċident u dakinhar il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet ordnat li jinżamm arrestat. Matul il-proċeduri, xhud irrakkonta kif fi ftit sekondi ra xena li dehret bħal waħda tal-films, b’nies jittajru fl-arja.

Il-prosekuzzjoni kienet spjegat li test tan-nifs wera livell ta’ alkoħol ta’ 105.6mg, ferm ogħla mil-limitu legali ta’ 22mg, u għalhekk il-Qorti kienet ordnat ukoll test tad-demm u l-ġbir tad-DNA mill-istering u l-handbrake biex jiġi kkonfermat min kien qed isuq.

Fit-23 ta’ Jannar, id-difiża mmexxija mill-avukati Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella ressqet rikors għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw, u sostnew li l-akkużat m’għandux rabtiet sodi ma’ Malta u li hemm riskju reali li jaħrab, speċjalment fid-dawl li wieħed mill-vittmi kien għadu fi stat kritiku u li għad kien hemm xhieda pajżana x’jixhdu.

Meta waslet għad-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset li diġà xehdu għadd ta’ xhieda, li Soutra ilu taħt arrest għal ċertu żmien, u li minkejja li vittma għadu f’qagħda kritika, m’għadux fil-periklu tal-mewt. Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €25,000, flimkien ma’ kundizzjonijiet stretti, fosthom li jattendi għal kull seduta, li ma jsifirx, li ma jersaqx lejn ix-xhieda, li jirrapporta kuljum fl-Għassa tar-Rabat, u li jinġabar f’daru bejn is-7 ta’ filgħaxija u s-7 ta’ filgħodu. Persuna oħra qed isservi bħala terz garanti b’depożitu ta’ €10,000.

Il-Qorti spjegat li kwalunkwe ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet iwassal għall-arrest immedjat tiegħu u t-telf tas-somma ta’ €40,000. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri, filwaqt li għall-akkużat dehru l-avukati Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella, u għall-parte civile dehru Roberto Spiter, Lennox Vella u Francesca Zarb.