Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-UMASA – li tirrappreżenta lil-letturi fl-Università ta’ Malta – għadha kemm ħabbret azzjonijiet ġodda fit-tilwima industrijali li diġà hemm fis-seħħ mal-Università minħabba li l-Gvern u l-Ministeru tal-Edukazzjoni għadhom ma resqux quddiemha bi ftehim kollettiv sodisfaċenti skont it-talbiet tagħha. Dan meta l-ftehim kollettiv attwali issa ilu li skada mill-2023.
Għaldaqstant, l-UMASA qed teskala d-direttivi tagħha – azzjonijiet li se jaffettwaw lill-istudenti universitarji, li jaqbżu t-12,000.
Id-direttivi li qed jidħlu fis-seħħ isejħu lill-istaff akkademiku biex iżomm il-marki tal-eżamijiet, tal-assignments u tat-teżijiet milli jkunu ppubblikati u/jew mibgħuta lill-amminstrazzjoni tal-Università. B’hekk eluf kbar ta’ studenti (fosthom dawk tal-Masters li mistennija jiggradwaw f’Marzu li ġej) se jkunu milquta direttament minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Gvern.
Dawn huma direttivi addizzjonali għal oħrajn li ngħata l-istaff akkademiku biex ma jiħux sehem f’laqgħat amministrattivi tad-dipartimenti, tal-fakultajiet, tal-istituti, tal-istaff u tal-bordijiet fost oħrajn.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, b’dispjaċir innota li din l-attitudni hija rikorrenti u sintomatika min-naħa tal-Gvern li ma jasalx biex jinnegozja fi żmien propizju mal-unions rappreżentattivi fil-qasam edukattiv – bħalma kien ġara fil-każ tal-ftehim settorjali tal-għalliema u fil-każ tal-ftehim kollettiv tal-MCAST.
Għalhekk, bħalma għamel f’dawn l-okkażjonijiet, il-PN jesprimi d-diżappunt tiegħu li mill-ġdid, l-istaff akkademiku u eluf kbar ta’ studenti se jkunu milquta direttament.
Għall-Partit Nazzjonalista, din hija sitwazzjoni inaċċettabbli u l-PN isejjaħ lill-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata biex isolvi din is-sitwazzjoni. Huwa inkwetanti kif wara kważi tliet snin ta’ diskussjonjiet il-ftehim kollettiv għadu ’l bogħod milli jkun konkluż.
Din is-sitwazzjoni jidher li diġà qed toħloq sens ta’ tensjoni, frustrazzjoni u inċertezza fost l-istudenti u l-għaqdiet studenteski rappreżentattivi kif ukoll fost l-istaff akkademiku b’mod ġenerali.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi kull żvilupp f’dan il-każ u jilqa’ kull opportunità biex jagħti sehmu biex din is-sitwazzjoni tkun riżolta.
Dan intqall fi stqarrija minn Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni, Ryan Callus ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali u l-Promozzjoni tal-Kummerċ u Bernice Bonello ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali.
//= $special ?>

