Knisja Lokali

Il-Kardinal Pietro Parolin fi żjara f’Malta

Il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, se jagħmel żjara f’pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa fuq stedina tan-Nunzjatura Appostolika f’Malta.

Iż-żjara tiegħu se ssir bejn is-Sibt 31 ta’ Jannar u l-Ħadd l-1 ta’ Frar 2026, u se tagħlaq iċ-ċelebrazzjonijiet li saru matul is-sena li għaddiet, li fakkru s-60 anniversarju mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede.

Matul iż-żjara, il-Kardinal Parolin se jiltaqa’ mal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, u l-Konferenza Episkopali Maltija.

Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Kardinal se jkun il-kelliem ewlieni waqt ċelebrazzjoni kommemorattiva fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede. Dakinhar se ssir preżentazzjoni ta’ żewġ kotba marbuta mal-istorja tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ stati.

Nhar il-Ħadd l-1 ta’ Frar, il-Kardinal Parolin se jiċċelebra quddiesa bl-Ingliż fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fid-9:30am. Miegħu jikkonċelebraw l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, in-Nunzju Appostoliku Savio Hon  Tai-Fai u l-isqfijiet emeriti. Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi għal din il-quddiesa.

Il-Kardinal Pietro Parolin, li għandu 71 sena, ilu Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede mill-2013 meta nħatar mill-Papa Franġisku u sar kardinal fis-sena ta’ wara. Huwa membru tal-Kunsill tal-Kardinali kif ukoll ta’ dawn id-Dikasteri: għad-Duttrina tal-Fidi; għall-Knejjes Orjentali; għall-Evanġelizzazzjoni; għall-Isqfijiet, u għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.