Ewropa

Il-President Metsola b’udjenza privata mal-Papa Ljun XIV

Fil-Vatikan, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola intlaqgħet mill-Papa Ljun Erbatax.

Wara l-udjenza privata, l-President Metsola stqarret li tinsab grata għar-riflessjonijiet komuni li kellhom dwar l-avvanz tal-paċi permezz tad-djalogu fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Din kienet it-tieni udjenza tal-President Metsola mal-kap tal-Knisja Kattolika, wara li kellha udjenza privata mal-Papa Franġisku f’Ottubru tal-2024. Il-President Metsola ltaqgħet ukoll ma’ Papa Ljun waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tiegħu f’Mejju li għadda.

F’Ruma, il-President Metsola kellha wkoll laqgħa mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni f’Palazzo Chigi.

Matul il-laqgħa, il-President Metsola u l-Prim Ministru Meloni kellhom diskussjonijiet kostruttivi dwar kif dan hu l-mument li l-Ewropa tqum għall-okkażjoni u taħdem flimkien “għal Ewropa aktar b’saħħitha, aktar sigura u aktar magħquda.”

Fil-kapitali Taljana, l-President tal-Parlament Ewropew ingħatat wkoll merħba sabiħa minn Ignazio La Russa, il-President tas-Senat Taljan, u Lorenzo Fontana, il-President tal-Kamra tad-Deputati.