Lokali Qorti

Brian Tonna tilef il-kawza Kostituzzjonali wara li kien allega li fil-PAC inkisrulu d-drittijiet tiegħu

Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, laqgħet l-appell imressaq mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u ċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, u ħassret parti sostanzjali mis-sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti Ċivili, Prim’Awla, fit-8 ta’ Ottubru 2024 fil-kawża mressqa minn Brian Tonna.

Għaldaqstant l-ogħla Qorti fil-pajjiż ma tatx raġun lill-esponent tal-Partit Laburista Brian Tonna li tilef il-kawża kostituzzjonali meta qal li fil-PAC kienu miksura d-drittijiet tiegħu għas-silenzju. Dak iż-żmien l-Avukat Beppe Fenech Adami, deputat tal-Partit Nazzjonali kien iċ-Chairman tal-PAC filwaqt li l-membri tal-Oppożizjoni kienu l-Avukat Karol Aquilina u Ryan Callus. Il-kawża saret mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u ċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet pubbliċi.

Il-kawża kienet tikkonċerna x-xhieda ta’ Brian Tonna quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi f’April u Mejju tal-2021, fil-kuntest tal-investigazzjoni parlamentari dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas. Tonna kien sostna li r-ruling mogħti mill-Ispeaker fid-19 ta’ April 2021 u l-gwida għal xhieda quddiem il-Kumitat kisru d-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq u d-dritt għas-silenzju, peress li hu kien jinsab taħt investigazzjoni kriminali jew f’riskju li jinkrimina lilu nnifsu.

L-Ewwel Qorti kienet laqgħet din il-pożizzjoni u ddikjarat li kemm il-gwida kif ukoll ir-ruling tal-Ispeaker kienu leżivi tad-drittijiet fundamentali ta’ Tonna, u ordnat li titħassar kull xhieda u dokument li kien ippreżenta quddiem il-Kumitat. Madankollu, fl-appell, il-Qorti Kostituzzjonali waslet għal konklużjoni differenti.

Il-Qorti sostniet li, għalkemm id-dritt għas-silenzju huwa dritt fundamentali importanti, Brian Tonna ma ressaqx provi suffiċjenti li, fiż-żmien meta xehed quddiem il-Kumitat, kien suspettat b’mod konkret jew li kien hemm proċeduri kriminali pendenti kontrih marbuta direttament mal-każ tal-Electrogas.

Il-Qorti nnutat li anke d-difiża tiegħu stess kienet iddikjarat fl-ewwel seduta li ma kienx magħruf li Tonna kien suspettat, u li ma ġiet ippreżentata ebda prova li l-akkużi kriminali li tressqu kontrih f’Marzu 2021 kellhom rabta diretta mal-materja diskussa quddiem il-Kumitat.

Il-Qorti enfasizzat ukoll li l-proċeduri quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi huma ta’ natura amministrattiva u ta’ skrutinju parlamentari, u mhux maħsuba biex jiddeterminaw responsabbiltà kriminali. Barra minn hekk, ġie nnutat li l-gwida għal xhieda stess tipprovdi b’mod ċar li ebda xhud ma jista’ jiġi mġiegħel iwieġeb mistoqsija li tista’ tinkriminah, u li r-ruling tal-Ispeaker kien ikkonferma dan il-prinċipju, billi ħalla f’idejn ix-xhud u l-avukat tiegħu d-deċiżjoni dwar jekk mistoqsija għandhiex titwieġeb jew le.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet l-appell tal-konvenuti, varjat is-sentenza appellata u ħassret id-dikjarazzjonijiet li sabu ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Konsegwentement, it-talbiet ewlenin ta’ Brian Tonna ġew miċħuda. Il-Qorti ordnat li l-ispejjeż tal-Ewwel Qorti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk diġà deċiżi f’sentenza preċedenti, għandhom jitħallsu minn Tonna, filwaqt li l-ispejjeż tal-appell tqassmu b’85 fil-mija a karigu tiegħu u 15 fil-mija a karigu tal-konvenuti.