Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tannulla sentenza fuq insib bil-każ jerġa’ jispiċċa f’ħoġor il-Qorti tal-Maġistrati

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, annullat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Magistrati li sabet lil Jason Busuttil ta’ 51 sena ħati f’ħames akkużi relatati ma’ ksur tar-regolamenti dwar speċi tal-għasafar tal-għana. Il-każ issa se jerġa’ jmur għand il-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Qorti tal-Maġistrat kienet sabet lill-appellant ħati ta’ xi akkużi relatati u kkundannatu għal ħlas ta’ multa ta’ €1,200, filwaqt li ordnat il-konfiska tal-oġġetti u ordnat is-sospensjoni ta’ kull liċenzja u permess relevanti maħruġa għal żmien tliet snin.

Il-Qorti osservat li s-sentenza tal-Ewwel Qorti kellha nuqqas sostanzjali minħabba li ma saret l-ebda referenza għal waħda mill-akkużi kif meħtieġ mill-artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali, u li dan ħalla lill-appellant f’pożizzjoni difettuża fejn ma setax jippreżenta b’mod sħiħ il-verżjoni tiegħu tal-fatti u jipproteġi d-dritt tiegħu għall-“doppio esame”.

Għal dawn il-motivi, din il-Qorti annullat is-sentenza tal-Ewwel Qorti, u biex ma tipprivax lill-partijiet mill-benefiċċju tad-“doppio esame”, u bagħtet l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali sabiex l-appellant Jason Busuttil jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien qabel ma ġiet pronunzjata s-sentenza appellata, u sabiex tingħata sentenza mill-ġdid skont il-liġi.

Il-Qorti tal-Appell ħadet in konsiderazzjoni l-provi, inkluż ix-xhieda tal-Pulizija u l-kontro-eżami tal-difiża, u qalet li minkejja xi nuqqasijiet tekniċi fil-formalità tas-sentenza inizjali, dawn ma jikkostitwux nullità per se.

Madankollu, il-Qorti rrilevat li l-preżenza ta’ nuqqasijiet fil-mod kif ġie trattat il-kontro-eżami u l-evidenza essenzjali tista’ taffettwa l-ġustizzja sostanzjali. F’dan il-kuntest, il-Qorti enfasizzat l-importanza li l-imputazzjonijiet jiġu msemmija b’mod ċar u li l-partijiet ikollhom opportunità sħiħa biex jippreżentaw il-verżjoni tagħhom tal-fatti.

Busuttil qed jiġi mixli li uża għasafar tal-għana bħala taħrik u għajjat li ma kinux imlibbsa ċurkett li jintuża
darba li kien maħruġ mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi tal-kulur (varjanti) mlibbsa ċurkett magħluq, bi ksur ta’ kundizzjoni tal-Liċenzja Speċjali għar-riċerka fuq is-seba’ speċi tal-għasafar tal-Għana fil-ħarifa 2021.

Qed jiġi mixli wkoll li bħala kollettur tad-data huwa awtorizzat biss li juża stazzjon tar-riċerka wieħed għall-ispeċi rilevanti fi kwalunkwe żmien u li l-istazzjoni tar-riċerka ma għandux ikollu aktar minn mansab wieħed minn dura waħda b’kull xibka u jkollha daqs ta’ mhux aktar minn 38 metru kwadru u daqs ta’ malju ta’ mhux inqas minn 18mm bi 18mm.

Kif ukoll li fl-istess data, bħala kolletur jeħtieġ li l-liċenzja ġenerali għall-insib tal-għasafar jew il-liċenzja għat-tqegħid ta’ ċrieket xjentifiċi, skont il-każ, li jservu wkoll bħala mezz ta’ identifikazzioni, u l-pjanta kif approvata mill-Korp Regolatorju u reġistrata mal-Kummissarju tal-Pulizija għandhom jinżammu mill-persuna li għandha l-liċenzja flimkien mal-liċenzja speċjali għar-riċerka maħruġa skont dawn ir-regolamenti.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-appell għandu fundament partikulari fl-aspett tal-evidenza u l-opportunità tal-appellant li jixhed, u wriet kif ir-riforma tas-sentenza tista’ tiġi kkunsidrata biex tiġi salvagwardjata l-verità u l-ġustizzja fil-proċeduri kriminali f’Malta.

Il-Qorti sottolineat ukoll l-importanza li l-imputazzjonijiet jiġu msemmija b’mod ċar u li l-partijiet ikollhom opportunità sħiħa biex jippreżentaw il-verità, filwaqt li l-proċeduri ġudizzjarji jibqgħu ġusti u trasparenti.