Lokali Parlament

In-numri sbieħ ma jfissrux ħajja aħjar


Stanley Zammit, PN


Ix-Shadow Minister għaIl-Ippjnar u l-Artijiet Stanley Zammit qal fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit 2026, li l-Gvern qed jaħbi r-realtajiet soċjali, ambjentali u li jkollhom jiffaċċjaw in-nies ta’ kuljum wara spreadsheets u ratios finanzjarji sbieħ.

Stanley Zammit enfasizza li waqt li l-Gvern jiftaħar b’figuri makroekonomiċi, in-nies fil-ħajja ta’ kuljum qed jesperjenzaw tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja: traffiku, infrastruttura maħnuqa, prezzijiet tal-proprjetà li splodew u pressjoni dejjem tikber fuq is-servizzi pubbliċi. Huwa qal li l-mudell ekonomiku bbażat fuq tkabbir fil-popolazzjoni u importazzjoni massiva ta’ ħaddiema b’pagi baxxi qed iżid il-GDP fil-kwantità, iżda mhux fil-valur għal kull persuna.

Huwa fakkar li d-dejn pubbliku qed jiżdied sena wara sena u li l-awtorizzazzjoni biex il-Gvern jissellef sa €1.9 biljun oħra turi nuqqas ta’ bidla fid-direzzjoni. Ir-ratios jitjiebu għax jiżdied id-denominatur tal-GDP, mhux għax il-pajjiż sar aktar produttiv jew il-pagi reali żdiedu. Dan, qal Stanley Zammit, jikkonferma ekonomija li “testendi imma ma tavvanzax”.

Id-deputat Nazzjonalista qal li anke l-Ministru tal-Finanzi stess kien ammetta fil-passat li l-mudell ibbażat fuq kostruzzjoni u xogħol irħis kien “easy way out”, iżda sal-lum ma ġiet offruta l-ebda viżjoni ġdida serja. Huwa sejjaħ għal ekonomija bbażata fuq valur miżjud, ippjanar sostenibbli, evidenza, data u studji xjentifiċi bħal carrying capacity, biex it-tkabbir verament itejjeb il-benesseri tan-nies.

Stanley Zammit għalaq b’messaġġ li “l-GDP għoli ma jfissirx kwalità tal-ħajja ogħla.” Il-kejl tas-suċċess, qal, għandu jkun il-benesseri tal-familji, komunitajiet b’saħħithom u ambjent nadif għal uliedna. “L-iskop tal-ekonomija hu li sservi lill-pajjiż u mhux li l-pajjiż jinqered biex iservi l-ekonomija.”