Lokali Parlament

Is-servizzi l-ġodda dwar klinika għall-annimali mhux se jilħqu l-kwalità neċessarja

Janice Chetcuti, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti sosniet fl-Aġġornament tal-Parlament li s-servizzi l-ġodda dwar klinika għall-annimali mhux se jilħqu l-kwalità neċessarja

Janice Chetcui qalet li l-Gvern fetaħ klinika għall-annimali wara li l-isptar tal-annimali ilu magħluq 30 xahar. Hi sostniet li l-vuċi tal-PN hi dejjem favur l-annimali u kompliet li din il-klinika qiegħda tieħu post l-isptar tal-annimali.

Janice Chetcuti kompliet li s-servizz li kien iddaħħal qabel ma kienx jinkludi l-isem tal-veterinarju li għandek tmur għandu u għalhekk jilħaq jgħaddi l-ħin importanti biex ikunu salvati l-ħajjiet tal-annimali. Il-ministru kienet wiegħdet li l-klinika se tkun miftuħa l-ħin kollu u li s-servizz qabel jibda t-trattament se jkun b’xejn.

Minkejja dawn il-wiegħdi l-Gvern issa ħabbar li din il-klinika mhijiex se tkun miftuħa l-ħin kollu iżda hemm numru tat-telefon li l-persuni l-ewwel iridu jċemplu fuqu, tingħadda fuq estenzjoni oħra u wara l-persuna li jkollu l-annimali li jeħtieġ attenzjoni jrid jispjega x’tip ta’ kura għandu bżonn l-annimal.

Janice Chetcuti kompliet li l-konsultazzjoni preliminari se tiswa €70, li titla’ għal €140 u anki €190. Din il-miżata titħallas dejjem għalkemm jekk tkun emerġenza l-gvern jagħti rifużjoni iżda jekk ma tkunx emerġenza din ma tingħatax lura. Dawn il-flus se jitħallsu hekk kif il-persuni jidħlu fil-klinika bl-annimali. It-trattamenti li jsiru wara jridu jitħallsu mill-persuni sidien tal-annimali.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet kif il-persuni jkunu jafu li l-annimal tiegħu jinsab fi stat ta’ emerġenza. Xi kriterji se jiddeċiedu l-emerġenza? staqsiet id-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Gvern ma żammx il-wiegħdi tiegħu.

Il-klieb iridu jkunu ċċippjati biex dan is-servizz jgħodd, qalet Janice Chetcuti, li staqsiet kif se jsir il-ħlas jekk il-klieb ikunu ċċippjati wara erba’ xhur. Is-servizz mhux se jkun jgħodd għall-annimali li jgħixu fit-toroq u l-ħlas għal dawn l-annimali jrid isir mill-persuni li jkunu ġabru lill-annimal ferut mit-toroq.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Għawdxin mhumiex inklużi f’dawn is-servizzi li se jingħataw mill-Fgura. Jeħtieġ attenzjoni wkoll għall-annimali tal-irziezet u jkunu introdotti servizzi bi ħlas għaż-żwiemel fost l-annimali l-oħra, sostniet id-deputat Nazzjonalista.