Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest Kolumbjan mixli li kkaġuna ferita gravi fuq Malti f’Paceville

Kolumbjan ta’ 25 sena li qed jiġi mixli li qed jiġi mixli li fil-lejl ta’ bejn it-2 u t-3 Jannar li għadda kkaġuna ferita gravi fuq raġel Malti ngħata l-ħelsien mill-arrest wara l-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni. Il-Magistrat Giannella Camilleri Busuttil iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-imputat Harold Andres Munoz Ramos għall-ħelsien mill-arrest, wara talba li saret mill-Avukat David Gatt.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.30am. tas-Sibt fil-viċinanzi ta’ Hugo Terrace, fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan. Munoz Ramos qed jiġi mixli wkoll li kkawża biża li kienet se tintuża’ vjolenza kontra l-vittma. Il-Qorti kienet laqgħet it-talba ta’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Qorti ħadet f’kunsiderazzjoni l-kondotta preċedenti tal-imputat, l-istadju tal-proċeduri, kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ u tal-persuna involuta. Il-Qorti ordnat li Harold Andres Munoz Ramos jsegwi diversi obbligazzjonijiet: li jinkludu li jiddepożita l-karta tal-identità u l-passaport fir-Reġistru tal-Qorti; li jidher għal kull att tal-proċess fid-data, lok u ħin ordnat; li ma jsifirx mill-Gżejjer jew jinħeba u li ma jkollu kuntatt dirett jew indirett mal-xhieda tal-Prosekuzzjoni.

Ordnijiet oħra jinkludu li ma jikkommettix delitt ieħor waqt li jkun meħlus mill-arrest; li jirrapporta kuljum fil-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan bejn l-8:00am u t-8pm.; li jirtira ġewwa d-dar fejn joqgħod skont ir-regoli stipulati; li jirrisjedi fl-indirizz indikat u jinforma lill-Uffiċjal Prosekutur fi żmien 12-il siegħa jekk ibiddel l-indirizz; u li jiddepożita somma ta’ €3,500 flimkien ma’ garanzija personali ta’ €6,500.

Il-Qorti avżat li jekk l-imputat ma jsegwix dawn l-obbligazzjonijiet, titlef il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, jinħareg mandat ta’ arrest kontrih, u s-somma totali ta’ €10,000 tgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta. L-imputat ġie obbligat ukoll jiffirma li se jsegwi dawn ir-regoli u li jħallas kwalunkwe somma dovuta jekk ikollu ksur.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kristina Bartolo u Celine Fenech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Elton Buckingham. Għal Munoz Ramos qed jidher l-Avukat David Gatt.