Lokali

Jitfarrak is-saqaf f’numru ta’ dipartimenti f’Karin Grech

Parti mid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija fl-isptar Karin Grech kellu jiġi evakwat wara li l-ġimgħa li għaddiet partjiet mis-saqaf beda jitfarrak u jaqa’.

Dan kien żvelat mis-sit The Shift News, b’sorsi ta’ dan l-istazzjoni jikkonfermaw dan l-inċident serju li seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar u li fuq kollox juri n-nuqqas ta’ serjetà min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela lejn is-settur tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

L-istess sorsi kkonferaw ukoll li dan mhux każ iżolat; anzi għal kuntrarju jidher li din hija xi ħaġa li qed tiġri ta’ spiss, u li ilha għaddejja snin f’dan l-isptar ta’ riabilitazzjoni.

Kollox jindika li l-Ministeru tas-Saħħa, għal darb’oħra prova jżomm kollox taħt it-tapit, bil-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment jingħataw struzzjonijiet biex ma jarawx il-pazjenti f’dawn is-swali hekk kif dan il-bini kien f’qagħda instabbli.

B’riżultat ta’ dan, il-pażjenti ntbagħtu f’partijiet oħra mill-Isptar San Luqa – meta suppost kellu jsir inesvtiment f’Karin Grech biex dan jinbidel fi sptar  state-of-the-art. Però li fil-verità dan tħalla fi stat ta’ abbandun.

Min-naħa tiegħu il-Ministeru tas-Saħħa ma qal xejn dwar din is-sitwazzjoni minkejja li kienu diversi ħaddiema li rrappurtaw ħsarat għal tal-inqas 5 snin.