Internazzjonali

Keir Starmer iżur iċ-Ċina bl-għan li jitjieb il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer żar iċ-Ċina bl-għan li jtejjeb il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Liema żjara saret bit-tama li tgħin lill-ekonomija tar-Renju Unit u tappoġġja n-negozji Britanniċi.

Iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja u hija wkoll it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tar-Renju Unit. Keir Starmer sostna kif rabtiet aktar b’saħħithom maċ-Ċina jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-prezzijiet u joħolqu aktar opportunitajiet għan-nies fir-Renju Unit.

Starmer ħa miegħu 54 mexxejja tan-negozji Britanniċi u qalilhom li qed “jiktbu l-istorja” billi jgħinu jibnu mill-ġdid ir-relazzjonijiet maċ-Ċina. Hu qal li r-Renju Unit irid ikun aktar iffukat fuq l-interessi nazzjonali tiegħu.

Il-Prim Ministru ltaqa’ mal-President Ċiniż Xi Jinping f’Beijing. Sir Keir qal li kien ilu “wisq” minn meta Prim Ministru Britanniku żar iċ-Ċina – proprju tmien snin ilu. Hu qal li r-Renju Unit jeħtieġ relazzjoni aktar paċifika u moderna maċ-Ċina. Huwa qal ukoll li avvenimenti f’pajjiżi oħra jistgħu jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum fir-Renju Unit, inkluż il-prezzijiet tal-ikel u s-sigurtà tan-nies.