Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża u ordni ta’ trażżin fuq telefonati ta’ fastidju

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ċaħdet appell imressaq minn Whitney Magro Seguna u kkonfermat fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti tal-Minorenni li kienet sabitha ħatja ta’ fastidju u użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-każ imur lura għas-16 ta’ Frar 2021 meta l-vittma rrapportat li kienet irċeviet ħames telefonati anonimi fi żmien erba’ sigħat, li wassluha fi stat ta’ ansjetà serja tant li kellha tfittex għajnuna psikoloġika. L-ewwel imputazzjoni dwar insulti ġiet iddikjarata preskritta.

Madankollu l-Qorti tal-Minorenni sabet lill-imputata ħatja tat-tieni u t-tielet imputazzjoni u kkundannatha għal multa ta’ €58.23 u sitt xhur priġunerija sospiża għal sena, taħt superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation, kif ukoll ordni ta’ trażżin għal sentejn favur il-parte civile.

Hija kienet mixlija li insulentat, ħebbet, jew inġurjat bi kliem jew b’mod ieħor lill-vittma. Li ġabet ruħha b’tali mod li tat fastidju lit-tfajla, u b’mod li kienet taf jew li messha kienet taf li dak li għamlet kien ta’ fastidju għal vittma u li permezz ta’ xi network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettronika, għamlet użu ieħor mhux xieraq bih.

Fl-appell tagħha, hija sostniet li ma ġiex ippruvat course of conduct u lanqas l-intenzjoni kriminali meħtieġa, u li l-piena kienet eċċessiva, iżda l-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-Ewwel Qorti kienet waslet għal konklużjonijiet raġonevoli u legali u li l-piena imposta ma kinitx la żbaljata fil-prinċipju u lanqas manifestament eċċessiva.