L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija fetħu proċeduri quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sabiex jikkontestaw sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali marbuta ma’ serqa li kienet seħħet mill-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat, Għawdex.
Huma qed isostnu li l-Qorti tal-Appell Kriminali interpretat b’mod żbaljat il-liġi meta ddeċidiet li ma tilqax l-appell tagħhom għaliex allegatament kien ippreżentat barra miż-żmien. Ir-rikors, ġie ippreżentat kontra Salvatore Licciardello u r-Reġistratur tal-Qrati Kriminali u t-Tribunali, isostni li l-Qorti tal-Appell Kriminali waslet għal konklużjoni żbaljata meta kkalkulat it-terminu taż-żmien għall-preżentata tal-appell, u għalhekk ċaħdet l-appell fuq bażi purament proċedurali.
Skont il-prosekuzzjoni, din l-interpretazzjoni żbaljata wasslet għal preġudizzju serju u gravi kontra l-Istat. Fl-applikazzjoni bil-ġurament, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li Salvatore Licciardello kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fit-23 ta’ Lulju 2007, akkużat li seraq ġojjellerija u ornamenti sagri minn pittura tal-Madonna fil-Knisja ta’ San Wistin f’Victoria.
Is-serqa kienet aggravata minħabba l-post, il-mezzi u l-valur tal-oġġetti, u kien mixli wkoll li kkawża ħsara lil wirt kulturali. Madankollu, fl-14 ta’ Jannar 2019, Licciardello ġie lliberat mill-akkużi kollha. L-għada tas-sentenza, il-Kummissarju tal-Pulizija nnota formalment lill-Qorti bl-intenzjoni li jappella.
L-Avukat Ġenerali rċieva l-atti tal-kawża fis-17 ta’ Jannar 2019 u l-appell ġie ppreżentat fl-4 ta’ Frar 2019, bit-talba li s-sentenza tal-ewwel istanza tiġi annullata u li l-imputat jiġi kkundannat skont il-liġi. Madankollu, permezz tal-avukat tiegħu, Licciardello sostna li l-appell tal-Avukat Ġenerali kien null peress li ġie ppreżentat barra mit-terminu legali.
Din l-eċċezzjoni ġiet milqugħa mill-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li ddikjarat l-appell bħala preskritt u astjeniet milli tidħol fil-mertu tal-każ. Il-Kummissarju tal-Pulizija qed isostni li din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’interpretazzjoni ħażina tal-liġi, li skontu ħolqot illegalità serja li ma tistax tiġi rranġata.
Huwa fakkar li l-Kodiċi Kriminali jistabbilixxi li meta l-proċeduri jinbdew mill-Pulizija, dawn għandhom erbat ijiem ta’ xogħol biex jinnotifikaw lill-Qorti bl-intenzjoni li jappellaw, u li r-Reġistratur għandu jipprovdi l-atti lill-Avukat Ġenerali fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol minn din it-talba. Minn meta l-Avukat Ġenerali jingħata aċċess għall-atti skennjati, għandu 12-il jum ta’ xogħol biex jippreżenta l-appell.
Il-prosekuzzjoni enfasizzat ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili dwar il-kalkolu taż-żmien, li jistipulaw li l-jum li minnu jibda jiddekorri t-terminu ma għandux jiġi inkluż fil-kalkolu. F’dan il-każ partikolari, l-Avukat Ġenerali rċieva l-atti fis-17 ta’ Jannar 2019 u, skont il-prosekuzzjoni, l-4 ta’ Frar 2019 jaqa’ eżatt fit-tnax-il jum ta’ xogħol previst mil-liġi.
Għaldaqstant, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qed jitolbu lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili teżerċita s-setgħat residwi tagħha, tiddikjara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali bħala nulla u bla effett, u tordna li jsir smigħ ġdid quddiem l-istess Qorti tal-Appell Kriminali. L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija qed ikunu rrappreżentati mill-avukati Maurizio Cordina u Miguel De Gabriele mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
//= $special ?>

