Lokali Parlament

L-edukazzjoni kruċjali fl-inklużjoni soċjali

Graziella Galea, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostniet li l-edukazzjoni hi kruċjali fl-inklużjoni soċjali.

Meta kienet qed titkellem fil-Ġarlament, id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet li kienet esprimiet ix-xewqa li kull seduta tal-Parlament tkun ukoll bil-lingwa tas-sinjali biex persuni neqsin mis-smigħ jistgħu jsegwu s-seduti u apellat biex din titwettaq.

Hi tkellmet dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà u qalet li l-verità hi li, minkejja l-progress li sar, għad hemm persuni fis-soċjetà li qed jiġu mċaħħda mill-opportunitajiet li jistħoqqilhom biex jimxu ’l quddiem u biex jibnu futur aħjar għalihom infushom u għall-familji tagħhom. Hemm każijiet fejn is-sistema f’pajjiżna falliet lin-nies u dan mhux aċċettabbli.

Meta ngħidu li persuna b’diżabbiltà għadha tkun parti integrali mis-soċjetà dan ifisser edukazzjoni inklussiva. L-edukazzjoni għandha tingħata f’waqtha għaliex jekk tingħata tard ma tħallix ir-riżultati mixtieqa. L-iskejjel għandhom obbligu ċar li jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità lil kull student fuq bażi ta’ ugwaljanza, mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni.

L-impjieg huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-indipendenza ekonomika, tal-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tal-bini ta’ soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Mingħajr aċċess ġenwin għax-xogħol, ma nistgħux nitkellmu b’mod serju dwar ugwaljanza jew opportunitajiet indaqs.

Meta nitkellmu dwar impjieg aċċessibbli, qed nirreferu għal ambjent tax-xogħol u għal prattiċi li jippermettu lil kull persuna, inklużi persuni b’diżabbiltà, taħdem, tipparteċipa u tikkontribwixxi b’mod sħiħ fuq il-post tax-xogħol. Dan jinkludi, fost oħrajn, aċċessibbiltà fiżika, aċċessibbiltà fil-komunikazzjoni, aċċessibbiltà teknoloġika u proċeduri inklussivi.

Hi qalet li fil-kunċett tal-assistent personali l-frażi “nothing about us without us” tħeġġeġ għal dritt fundamentali: persuni b’diżabbiltà għandhom il-ħila li jagħżlu kif u fejn jgħixu ħajjithom. L-assistent personali huwa servizz essenzjali li jippermetti ħajja indipendenti, billi jipprovdi appoġġ individwalizzat biss fejn meħtieġ, mingħajr ma jieħu kontroll fuq il-ħajja tal-persuna b’diżabbilità.

Dan il-kunċett, li l-Oppożizzjoni dejjem appoġġat u li kien parti mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, qed jiġi implimentat mill-Gvern permezz tar-riforma fl-assistenti personali.

Dwar l-isparpaljar ta’ servizzi, Graziella Galea qalet li wasal iż-żmien li s-servizzi kollha li jibbenefikaw persuni b’diżabbiltà jiġu ċentrati taħt ministeru wieħed. B’hekk persuni b’diżabbilità u l-familjari tagħhom ma jkollhomx id-diffikultà li jmorru minn dipartiment għall-ieħor biex jiksbu servizzi. Hi semmiet l-abbuż mill-Blue Badge u qalet li huwa dmir tagħna li nirrispettaw il-persuni b’diżabbiltà li għandhom il-Blue Badge u l-użu ġust tagħha.

Hu importanti li nnaqqsu l-abbużi minn nies irresponsabbli. Il-Blue Badge għandha tintuża biss mill-persuna b’diżabbiltà li għaliha tkun inħarġet il-Blue Badge. Fl-2025 il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) irċeviet madwar 400 ilment. Hi ttamat li għad naslu f’sitwazzjoni fejn l-ilmenti jkunu ferm inqas. Dan jista’ jsir biss jekk inkomplu naħdmu għal iktar inklużjoni.


Il-konsumatur mhuwiex biss terminu legali – hu kull wieħed u waħda minna, fil-ħajja ta’ kuljum. Id-drittijiet tiegħu jaffettwaw kemm is-servizzi pubbliċi kif ukoll dawk privati, u għandhom jiġu protetti b’mod effettiv.


Hi qalet li l-għoli tal-ħajja qed jolqot il-konsumatur kuljum. Il-Baġit ta’ din is-sena jara tnaqqis fil-COLA mis-sena l-oħra u allura tnaqqis fl-għajnuna reali li tasal lill-familji u lill-individwi biex jikkumpensaw għall-ispejjez dejjem jiżdiedu.


Hi sostniet li l-konsumatur għandu drittijiet u obbligi. Irid ikun infurmat, jaf jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jkun protett mill-MCCAA, mhux biss qabel ix-xiri imma wkoll wara, inkluż fl-after sales service, sostniet id-deputat Nazzjonalista.