Lokali

“Malta tista’ ssir iċ-ċentru tas-cybersecurity tal-Ewropa” – L-MEP Peter Agius

“Malta tista’ tkun iċ-Ċentru Ewropew għas-cybersecurity”.

Kien dan il-kliem tal-MEP Nazzjonalista Peter Agius waqt li laqqa’ konferenza fil-Parlament Ewropew dwar ir-Reżiljenza Ċinernetika u l-Leġiżlazzjoni Ewropeja.

F’Malta hawn iktar minn 25 kumpanija li joffru servizzi ta’ cybersecurity u dawn għandhom l-ambizzjoni li jkomplu jespandu biex joffru is-servizz lil kumpaniji Ewropej u lil hinn biex il-prodotti u s-servizzi tagħhom ikunu konformi mal-Att dwar Ir-Reżiljenza Ċibernetika tal-Unjoni Ewropeja. 

Fi kliem Peter Agius, Malta tista’ tirrepplika s-suċċess li kisbet fil-qasam tal-gaming fis-cybersecurity. Dan billi ninkoraġġixxu u nkomplu nsostnu s-settur privat biex jibqa’ jimrah f’Malta, iżid is-servizzi tas-sigurta’ diġitali filwaq li joħloq iktar xogħol.

Ir-riskji għad-data u s-sistemi diġitali huma realta’ għal kulħadd. Dawn ir-riskji ċibernetiċi jeżistu f’kull prodott imqabbad mal-internet li nużaw, minn monitors tat-trabi, qniepen b’teknoloġija smart jew ġugarelli tat-tfal. Din ir-realta’ u s-suġġett ġie diskuss mil-lat tekniku u politiku waqt seminar organizzat minn Agius flimkien ma’  Comply.land.

Is-seminar iffoka fuq l-implimentazzjoni tal-liġi Ewropeja ġdida dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika u r-rwol li l-Istati Membri jistgħu jkollhom biex jikkonvertu r-regolamentazzjoni Ewropea f’protezzjoni reali għaċ-ċittadini.

Fost il-parteċipanti kien hemm Daniel Yvetot ta’ Creb nebula u Martin Chatel minn ETSI li spjegaw kif bosta prodotti diġitali qed jidħlu fis-suq Ewropew b’passwords dgħajfa, diversi vulnerabbiltajiet u mingħajr l-obbligu li s-sigurta’ tagħhom tkun aġġornata. 

Fil-passat, dan wassal għal diversi inċidenti serji – bħal pereżempju fl-2016, meta il-botnet Mirai sfrutta l-vulnerabilita’ ta’ mijiet ta’ eluf ta’ apparat li ma kinux siguri biex jattakkaw infrastruttura kritika madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti.

Il-konferenza eżaminat kif is-CRA jindirizza direttament dawn ir-riskji billi jistabbilixxi rekwiżiti bażiċi ta’ sigurtà għal products with digital elements qabel ma jidħlu fis-suq Ewropew. Dan ifisser li prodotti bħal ġugarelli konnessi mal-wifi jridu jkunu secure by design, ikollhom proċeduri ċari għall-immaniġġjar ta’ vulnerabbiltajiet u jipprovdu aġġornamenti tas-sigurtà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

L-MEP Agius faħħar kif Malta qed jirnexxielha tkun eżempju tajjeb fir-reżiljenza għal attakki jew theddid ċibernetiku.

Daniel Thompson-Yvetot, il-fundatur ta’ Comply.land, enfasizza l-impatt usa’ tal-allinjament regolatorju matul l-avveniment meta qal li: “Il-konformità mar-regolamenti tal-UE tippermetti lil kull manifattur jappoġġa direttament lill-konsumaturi Ewropej.”

Il-parteċipanti sejħu biex il-pajjiżi Ewropej jiżguraw li l-oqsfa regolatorji tagħhom ikunu attrezzati u b’saħħithom għax ir-riskji u t-theddid fuq is-sistemi diġitali ma humiex biss ħsara għall-ekonomiji iżda anke għad-demokrazija.

Peter Agius inagħqad mall-profesjonisti fil-qasam u tenna li l-esperjenza ta’ Malta turi kif il-preparazzjoni, il-kooperazzjoni u tmexxija tajba jistgħu jwasslu biex anke l-Ewropa żżid il-protezzjoni konkreta għall-familji Ewropej.