Lokali Qorti

Milqugħ appell tal-Avukat Ġenerali bil-każ irid jinstema’ mill-ġdid

Il-Qorti tal-Appell Kriminali presduta mill-Imħallef Neville Camilleri laqa’ t-talba tal-Avukat Ġenerali fil-konfront ta’ raġel ta’ 60 sena fejn fost affarijiet oħra kien qed jiġi akkużat li bl-imġiba tiegħu kkaġuna lill-eks sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha. Li permezz ta’ xi network jew apparat ta’ komunikazzjoni elettroniku, hedded li jagħmel xi reat, jew għamel użu ieħor mhux xieraq bih u li kiser Ordni ta’ Trażżin li kienet ipprovdiet għas-sigurta’ tal-eks tiegħu.

B’kollox huwa kien qed jiġi mixli bi 13-il akkuża li jinkludu wkoll ksur ta’ kundizzjonijiet u r-reċidiva. L-appell tal-Avukat Ġenerali kontra r-raġel, li minkejja li kien instab ħati ta’ xi akkużi imma ħafna minnhom le, ingħad fl-appell li liema reati ġew misjuba ħtija u, anzi, semmiet artikoli mhux korretti jew inkorretti, li wasslu għal nuqqas sostanzjali fis-sentenza.

Il-Qorti qablet u minħabba dan, il-Qorti tal-Appell laqgħet l-appell u ħassret u rrevokat is-sentenza appellata, u rrinvjat l-atti lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex l-akkużat jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien qabel ma ġiet ippronunzjata s-sentenza u biex tinħoloq sentenza ġdida skont il-liġi, sabiex tiġi osservata l-proċedura korretta u l-prinċipju tad-doppio eżami ma jkunx kompromess.

L-AĠ qal fl-Appell li “Il-qorti, meta tagħti s-sentenza kontra l-imputat, għandha tgħid il-fatti li tagħhom dan ikun ġie misjub ħati, tagħti l-piena u ssemmi l-artikolu ta’ dan il-Kodiċi jew ta’ kull liġi oħra li tkun tikkontempla r-reat.”

Il-Qorti tal-Appell qalet li għal dawn il-motivi, il-Qorti taqta’ u tiddeċiedi billi tilqa’ l-appell imressaq mill-appellant Avukat Ġenerali u għaldaqstant tħassar u tirrevoka s-sentenza appellata sabiex huwa jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien immedjatament qabel ma ġiet pronunzjata s-sentenza appellata u biex terġa’ tingħata sentenza mill-ġdid skont il-liġi.