Opinjoni

Opinjoni: Għaġeb fuq ix-xejn?

X’jimpurtah il-Gvern li n-nies ħallsu flus żejda? X’jimpurtah il-Gvern li hawn min mhux ilaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja u dawn l-ispejjeż ikomplu jiżdiedu grazzi għal żbalji bħal dawn?

Angelo Micallef

Kulħadd maqsum bl-għira għall-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela! Kulħadd mgħawweġ f’biċċtejn bl-għira li qiegħda ġġib magħha l-katina ta’ suċċessi kostanti ta’ dan il-Gvern. Għalhekk imbagħad dawk li jgħiru joqogħdu jaqbdu mal-ħmerijiet u jippruvaw jattakkaw lill-Gvern; għax maqsumin bl-għira u bir-rabja.
Jekk tuża l-midja soċjali jew xi darba toqgħod tosserva x’jingħad fit-toroq u fil-pjazez, din il-linja ta’ argumentazzjoni tkun smajtha żgur. Hija l-linja ta’ argumentazzjoni li bl-aktar mod sottili timbotta l-midja Laburista għal prattikament kull forma ta’ kritika li jista’ jiffaċċja l-Gvern.
Magħha mbagħad tingħaqad il-kantaliena li n-Nazzjonalisti huma negattivi u li jkun aħjar jaraw x’ġara fi żmienhom! Hija kantaliena li fiha nfisha turi l-arroganza assoluta ta’ dan il-Gvern u kemm dan il-Gvern huwa maqtugħ mill-poplu u mhuwiex lest jisma’ u jagħti widen.

Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma
L-aħħar episodju hija l-kwistjoni marbuta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Sitwazzjoni fejn eluf ta’ djar Maltin u Għawdxin sofrew żball fil-kont tad-dawl u l-ilma u spiċċaw għalhekk ħallsu flus li ma kinux dovuti jħallsu.
Li jsir żball diġà xi ħaġa kerha; li jsir żball fuq bażi ripetuta huwa żball aktar gravi; li tali żball jinżamm moħbi hija abbużiva; li l-fatt li l-iżball inżamm moħbi tiġi mxejna bħallikieku ma ġara xejn hija monument tal-inkompetenza u arroganza li tirrenja f’dan il-Gvern.
X’jimpurtah il-Gvern li n-nies ħallsu flus żejda? X’jimpurtah il-Gvern li hawn min mhux ilaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja u dawn l-ispejjeż ikomplu jiżdiedu grazzi għal żbalji bħal dawn? X’jimpurtah il-Gvern minn kif u għaliex seħħ dan l-iżball? Hekk jirraġuna min ikun inqata’ mill-poplu! Hekk jirraġuna min ikun qiegħed jgħix f’torri tal-avorju u jkun tilef kull sens ta’ kif iħossu l-poplu.
Għal darb’ oħra kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jikxef il-verità; li jkun it-tarka tal-poplu; li jitkellem f’isem is-sewwa u ġust u li jara li l-abbuż jinqata’ minnufih.
Kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li f’isem il-poplu jagħmel il-mistoqsijiet u ma jħallix din il-kultura ta’ x’jimpurtani ssir il-politika nazzjonali ta’ pajjiżna. Għal darb’ oħra kellha tkun il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista li tagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies.

U iva, mhux biċċa bord tal-paċi?
U donnu l-politika ta’ mur ara hija popolari sew ma’ dan il-Gvern. Għaliex anki fuq kwistjonijiet oħra qed naraw l-istess attitudni arroganti u abbużiva. Jiġi l-Prim Ministru Robert Abela u bl-aktar ton ta’ xejn mhu xejn jgħidilna li rċieva stedina, li hu sejjaħ informali, biex ikun fuq il-bord tal-paċi ta’ Donald Trump u bħallikieku ma jistax jifhem kif hemm min qed jagħmel mistoqsijiet serji dwar l-implikazzjonijiet għal pajjiżna.
Mistoqsijiet li mhumiex ġejjin biss mill-Partit Nazzjonalista imma saħansitra mill-qalba nett taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u minn eks ministri Laburisti li servew għal snin twal fil-grupp parlamentari Laburista. L-istess arroganza ta’, nagħmel jien, ma jimpurtanti minn xejn ħlief minn dak li rrid nagħmel jien u ara biss ifettillek tagħmel nofs nitfa ta’ mistoqsija.

Il-Kunsill Ġenerali f’Għawdex
Meta tara arroganza bħal din tibda tifhem sewwa sew għaliex fl-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika maħruġ fil-MaltaToday Robert Abela kompla jitlef mill-fiduċja tal-poplu filwaqt li b’kuntrast Alex Borg kompla jżid fil-fiduċja.
U x’ma jżidx fil-fiduċja Alex Borg. Nhar il-Ħadd li għadda, minkejja t-temp xejn feliċi, ħadt gost nattendi l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex. Kunsill Ġenerali li ġie fi tmiemu b’diskors mill-aqwa ta’ Alex Borg.
Diskors li wera b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni u ambizzjoni għal pajjiżna.
Diskors li wera b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista huwa lest ixammar il-kmiem u jaħdem. Diskors li wera b’mod ċar li f’Alex Borg għandna Prim Ministru in-waiting li huwa in touch mal-weġgħat tan-nies u mal-ambizzjonijiet tan-nies.
Diskors li jagħmlek kburi li tifforma parti mill-Partit Nazzjonalista.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 29 ta’ Jannar , 2026.