Opinjoni

Opinjoni: Il-Ħajja mill-Konċepiment: Abbozz ta’ Liġi fl-Amerka li jipproteġi tfal mhux imwielda

Il-Life at Conception Act jiddikjara li l-ħajja tibda mal-konċepiment u, għalhekk, it-trabi fil-ġuf għandhom jedd għall-protezzjoni mogħtija mill-Kostituzzjoni

Mark A. Sammut Sassi

Filwaqt li għadna kif rajna l-aktar sforz riċenti ta’ Robert Abela biex idaħħal l-abort f’Malta (meta saħaq li jekk mara tinstab ħatja li qatlet lit-tarbija fil-ġuf, hu, Dr Abela, jagħmel kulma tagħtih il-liġi biex dik il-mara ma teħilx ħabs – filwaqt li ma qal xejn dwar it-tobba kompliċi), fl-Amerka qed iseħħu żviluppi li jxaqilbu lejn il-keffa l-oħra tal-miżien.
F’Malta, il-miżien ixaqleb lejn il-qtil; fl-Istati Uniti, lejn il-ħajja.

Fis-Senat u fil-Kungress tal-Istati Uniti
Fis-Senat Amerikan tressaq abbozz ta’ liġi jismu Life at Conception Act, li t-tir warajh hu li jkun rikonoxxut il-jedd għall-ħajja lit-trabi li għadhom ma twildux. It-tir hu li l-14-il Emendament għall-Kostituzzjoni Amerikana jiġi estiż biex il-ħarsien tal-ħajja jibda mill-mument tal-konċepiment jew minn xi mument ieħor li fih l-individwu jibda jseħħ.
(L-14-il Emendament għall-Kostituzzjoni Amerikana, li ġie ratifikat fl-1868, jagħti, fost l-oħrajn, protezzjoni ndaqs lill-persuni kollha fl-Istati Uniti.)
Dil-inizjattiva qed titmexxa minn bosta Senaturi Repubblikani; fuq quddiem nett hemm is-Senatur Mike Rounds. “Il-ħajja f’kull stadju tagħha hi rigal mingħand Alla u trid tiġi ttrattata b’dinjità,” qal Rounds. “Jekk jgħaddi, il-Life at Conception Act iħares il-jedd għall-ħajja li jinsab fil-Kostituzzjoni għal kull stadju tal-eżistenza tal-bniedem, inkluż fil-ġuf.”
Filwaqt li hemm dal-grupp ta’ Senaturi fis-Senat, fil-Kungress qed jiġi ppreżentat abbozz jixtiebah mir-Repubblikan Eric Burlison.

X’qalu wħud mis-Senaturi, u oħrajn
Is-Senatur Steve Daines – ieħor fil-grupp ta’ Senaturi li qed jippromwovu dal-abbozz – qal hekk: “Wieħed mill-jeddijiet fundamentali li l-Amerka hi mibnija fuqhom hu l-jedd għall-ħajja.
Dal-prinċipju kostituzzjonali bażiku jħares il-jedd għall-ħajja ta’ kulħadd f’pajjiżna – magħdudin ukoll it-tfal li għadhom ma twildux … [irridu] nħarsu l-aktar vulnerabbli billi naffermaw il-verità bijoloġika li l-ħajja tibda mal-konċepiment.”
Senatur ieħor, Kevin Carmer, qal hekk: “Il-jedd għall-ħajja huwa minqux fil-Kostituzzjoni u huwa l-aktar jedd fundamentali tagħna. Nafu li l-ħajja tibda mal-konċepiment, u l-Life at Conception Act jirrikonoxxi dil-verità ovvja u qawwija.”
Dal-abbozz għandu l-appoġġ tan-National Pro-Life Alliance, Susan B. Anthony Pro-Life America, Students for Life Action, Concerned Women for America Legislative Action Committee u l-Family Research Council.
“Għal aktar minn għoxrin sena,” qal Martin Fox, il-President tan-National Pro-Life Alliance, “il-membri tan-National Pro-Life Alliance stinkaw favur il-Life at Conception Act.” Din il-liġi, issokta, “illum hi aktar importanti minn qatt qabel minħabba fil-ħafna lakuni li l-abortisti jsibu fil-liġijiet biex iduru madwar il-protezzjoni ta’ dawk li għadhom ma tweldux. Il-Life at Conception Act iseddaq l-intenzjoni li kellhom il-kittieba tal-14-il Emendament għall-Kostituzzjoni billi jiddikjara li l-kelma ‘persuna’ tinkludi fiha lil kulħadd sa mill-mument tal-konċepiment.”
“Bir-rikonoxximent li mal-mument tal-konċepiment jibda bniedem ġdid, il-Life at Conception Act jimplementa protezzjoni ndaqs għal kull bniedem mill-ewwel mumenti tal-eżistenza tiegħu,” qal Kristan Hawkins, President ta’ Students for Life Action & Students for Life of America. “Li wieħed arbitrarjament iħalli barra lil ċerti bnedmin mill-ħarsien tal-liġi hu żball li dal-pajjiż jeħtieġ li ma jibqax itennih.”
“Il-Life at Conception Act jiddikjara dak li bosta Amerikani jemmnu u dak li x-xjenza ilha taf: li l-ħajja tibda mal-konċepiment u, għalhekk, it-trabi fil-ġuf għandhom jedd għall-protezzjoni mogħtija mill-Kostituzzjoni,” qalet Penny Nance, CEO u President ta’ Concerned Women for America Legislative Action Committee.

Traduzzjoni bil-Malti
Se noffri traduzzjoni bil-Malti tat-test tal-abbozz:
ABBOZZ biex jimplementa protezzjoni ndaqs skont l-14-il Emendament tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tal-jedd għall-ħajja ta’ kull bniedem imwieled jew għadu mhux imwieled.
Dan l-Att jista’ jissejjaħ “L-Att V tal-2025 dwar il-Ħajja mill-Konċepiment” (Life at Conception Act 5 of 2026).
Bit-tir li jimplementa l-protezzjoni ndaqs għall-jedd tal-ħajja ta’ kull bniedem imwieled u għadu mhux imwieled […], il-Kungress bis-saħħa ta’ dan l-Att jiddikjara li l-jedd għall-ħajja garantit mill-Kostituzzjoni jinsab f’kull bniedem. Xejn f’dan l-Att ma jinftiehem li jirrikjedi l-prosekuzzjoni ta’ xi mara għall-mewt tat-tarbija tagħha li għadha ma twelditx, projbizzjoni tal-fertilizzazzjoni in vitro, jew projbizzjoni tal-użu tal-mezzi għall-kontroll tal-konċezzjoni jew mezzi oħrajn ta’ prevenzjoni tal-fertilizzazzjoni.
F’dan l-Att, it-termini “persuna umana” u “essri uman” jinkludu fihom kull membru tal-ispeċi homo sapiens f’kull stadju tal-ħajja, inkluż il-mument tal-fertilizzazzjoni jew klonazzjoni, jew kwalunkwe mument ieħor meta membru individwali tal-ispeċi umana jibda jeżisti.
Għall-finijiet li jkun applikat l-14-il Emendament għall-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u dispożizzjonijiet oħrajn tal-Kostituzzjoni, it-terminu “Stat” jinkludi fih id-District of Columbia, il-Commonwealth ta’ Puerto Rico, u kull territorju jew possediment ieħor tal-Istati Uniti.

Taħwid fil-ħsieb f’Malta
Malta jmessha timxi fuqu dal-eżempju. Flok ma ndaħħlu diskriminazzjoni bejn reat u ieħor – ċerti reati jiġu “ppremjati” u oħrajn “ikkastigati”.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 29 ta’ Jannar, 2026.