Lokali

24 siegħa wara Abela għadu ma weġibx lil Kap tal-PN dwar id-diskussjonijiet tal-Prim’Imħallef

Għaddew aktar minn 24 siegħa, u Robert Abela għadu ma weġibx l-ittra tal-Kap tal-PN.

Ħabbar dan Alex Borg innifsu, hekk kif insista dwar il-bżonn li jissoktaw id-diskussjonijiet fuq il-kariga ta’ Prim Imħallef sabiex fl-aħħar iż-żewġ naħat jaslu għal qbil dwar din il-kariga.

Tul il-jum tal-Ħamis, Alex Borg kiteb lill-Prim Ministru – bi tweġiba għal ittra li bagħatlu Robert Abela lbieraħ filgħaxija – biex jinfurmah li qed jistenna li jkomplu bit-taħditiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid, liema kariga trid timtela wara li jkun hemm qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra b’vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Dan wara li l-Erbgħa filgħaxija l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qabel unanimament li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jkompli bit-taħditiet mal-PM fuq din il-kariga importanti li dwarha l-Prim Ministru huwa obbligat li jilħaq ftehim mal-Oppożizzjoni.

Minkejja li d-diskussjonijiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid kienu għadhom għaddejjin, il-Prim Ministru Robert Abela l-Erbgħa waranofsinhar kiser il-ftehim ta’ rġulija u kunfidenzjalità mal-Kap tal-Oppożizzjoni u wera nuqqas kbir ta’ rispett lejn is-serjetà u l-maturità meħtieġa fil-kunsiderazzjoni ta’ kariga daqstant importanti meta qabad u unilateralment ikkomunika b’mod pubbliku d-deċiżjoni tal-Gvern li jinnomina mħallef sedenti għal din il-kariga.

Dan wara li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard żvela mal-media li Robert Abela jrid lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera – kummenti li ngħataw fil-pubbliku proprju fl-istess ħin li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien għadu kif irċieva l-ittra tal-Prim Ministru biex tinfurmah bid-deċiżjoni tiegħu.