Ir-riżenja ta’ Roderick Galdes minn Ministru turi kemm huwa ħażin li l-assi tal-Kabinett mhux qed jiġu ppubblikati.
Sostna dan l-Eks Prim Ministru u Eks Mexxej Laburista Alfred Sant permezz ta’ kitba fil-gazzetta The Malta Independent hekk kif insista li dak li seħħ lil Galdes jikkonferma kemm hi żbaljata d-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Robert Abela li ma jibqax jippubblika l-assi dettaljati tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari – żball li ma jippubblikawx id-dħul, l-assi u l-obbligazzjonijiet finanzjarji li għandhom.
Għal dawn l-aħħar sentejn, il-Prim Ministru Robert Abela rrifjuta li jippubblika d-dettalji relatati mal-assi tal-membri tal-Kabinett tiegħu, għal raġuni li jafha hu biss – minkejja l-appelli saħansitra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabiex jagħmel proprju dan.
Abela qed jgħid li qabel ma ssir riforma, hu mhux se jkun qed jippubblika dawn l-assi, u kull meta jkun mistoqsi mill-ġurnalisti, inkluż ta’ Net News, Robert Abela jaħrab b’mod sfaċċat milli jwieġeb.
Alfred Sant minn naħa tiegħu, insista li dak li qed jgħid Robert Abela, li l-Membri Parlamentari jiġu meqjusa bl-istess mod bħall-membri tal-Kabinett, ma jreġi assolutament xejn.
Sant iddikjara li bħala Membru Parlamentari, sakemm ma jkunx maħtur f’pożizzjoni statali importanti, ċertament m’għandux l-istess influwenza li tirrekjedi responsabbiltà ta’ Ministru… aktar u aktar minn naħa tal-Oppożizzjoni.
Intant diversi esperti saħqu li dak li qed jgħid Robert Abela iħallat kompletament l-Eżekuttiv u l-Leġiżlattiv, ċioè jkompli jwaħħad il-Kabinett – mal-Kamra tar-Rappreżentanti, li fil-verità huma żewġ pilastri tad-demokrazija separati minn xulxin.
//= $special ?>

