Lokali

EKU TAT-TRAĠEDJA TAĊ-ĊIRKEWWA: Tifla Ingliża ta’ 7 snin titkaxkar mill-mewġ f’Casablanca

Il-familja ta’ tifla Ingliża ta’ 7 snin għamlu appell qawwi għal kull għajnuna possibbli wara li binthom tkaxkret mill-mewġ waqt vaganza fil-Marokk. Dan il-każ seħħ f’Casablanca – u huwa kważi fotokopja tat-traġedja li kellna f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu, meta tifla Pollakka inġarret mill-mewġ qawwi.

F’dan il-każ, jidher li t-tifla spiċċat fil-baħar wara li ġie fuqhom mewġ għoli waqt li kienu mal-kosta – jaraw inżul ix-xemx.

Skont ir-rapport fil-media Ingliża, il-mewġ ġarr lill-familja kollha. Iżda t-tifla, Inaayah Makda, kienet l-uniku waħda li ma telgħetx fil-wiċċ.

Il-familja tinsab ukoll irrabjata għall-awtoritajiet lokali ta’ Casablanca li ftit li xejn offrew għajnuna.

Missier it-tifla u l-familja kollha ilhom jumejn iduru mal-blat fiz-zona fejn kienu, bit-tama li jilmħu lit-tifla. Iżda sa issa, din it-tfittxija rriżultat fin-negattiv – u t-tama kważi sfumat kompletament.